Il-Bank of Valletta kellu iħallas is-somma ta’ sitta u għoxrin miljun u ħames mitt elf ewro fi ftehim fuq il-kwistjoni tal-Falcon Funds mal-aġenzija tal-pensjonijiet Żvediża.
Il-kumpanija Falcon Funds, li wieħed mid-diretturi tagħha kien l-eks Ministru Nazzjonalista Tonio Fenech, kienet kumpanija privata Żvediża li toffri l-pensjoni iżda li l-attività tagħha kienet imnawra b’negozjati oħra mal-kumpanija inkarigata mill-immaniġjar tal-investiment tagħha, emple Asset Management. L-Ingliż Anthony Farrell li kien imexxi din il-kumpanija kien ġie estradit lejn l-Iżvezja biex jaffaċċja akkużi ta’ frodi ta’ €80 miljun fl-iskema Żvediża tal-pensjoni mmexxija minn pajjiżna.
Dan il-fond kellu €270 miljun fi tfaddil għal 22,000 klijent. Madankollu investigazzjoni mill-awtorità tal-pensjonijiet Żvediża kienet kixfet kif klijenti minn fond separat bdew jiġu trasferiti fil-Falcon Funds b’mod qarrieqi. Dan wassal biex eluf ta’ pensjonanti spiċċaw vittmi u nsterqilhom dak kollu li kellhom imfaddal f’dan il-fond tal-kumpanija li tagħha l-eks Ministru Nazzjonalista Tonio Fenech kien direttur. Dan hekk kif intilfu ‘l fuq minn €247 miljun.
Dan wassal ukoll biex filwaqt li Farrell affaċċja akkużi kriminali fl-iżvejza, l-eks Ministru Nazzjonalista Tonio Fenech, flimkien ma żewġ persuni oħra, spiċċa pprojbit mill-MFSA li jkollu pożizzjonijiet approvati għal sentejn.
Il-Bank of Valletta qabel li jħallas €26.5 miljun minħabba l-irwol li kellu bħala kustodju tal-kumpanija, bl-aġenzija tal-pensjonijiet Żvediża tgħid li €32 miljun ser ikunu qed jintraddu lura lil dawk li kienu qed ifaddlu mal-kumpanija Falcon Funds.