Wara l-aħħar żviluppi relatati mal-COVID-19 u l-miżuri mħabbra mill-Ministru tas-Saħħa, il-Bank of Valletta qed iħabbar, li b’effett mit-Tlieta 24 ta’ Marzu, se jkun qed jintroduċi aktar miżuri mmirati biex inaqqsu l-kuntatt wiċċ ‘imb wiċċ mal-klijenti:
- Għeluq temporanju ta’ tmien fergħat / aġenziji
- Tnaqqis fil-ħinijiet tal-ftuħ – 9.00am sa 12.00pm (Nofsinhar) mit-Tnejn sas-Sibt
- Il-Fergħat tal-BOV ikomplu joffru servizzi essenzjali
- Servizzi oħra offruti permezz ta’ tim iddedikat li jopera permezz ta’ numru tat-telefon u imejl apposta
- Ċentri oħra se joperaw bil-bibien magħluqa iżda jibqgħu joffru servizzi lill-klijenti
- L-ATMs ser ikomplu joperaw b’mod normali
Fergħat tal-Bank of Valletta
Il-Bank of Valletta se jkun qed jagħlaq b’mod temporanju l-fergħat / aġenziji tiegħu f’Bormla, il-Fgura, Fleur De Lys, Marsaxlokk, l-Imsida, Ħal Qormi, Skyparks u x-Xewkija Għawdex.
L-ATMs u l-faċilitajiet ta’ nightsafe deposits f’dawn il-fergħat se jibqgħu joperaw b’mod normali. Klijenti li jkollhom bżonn aċċess għas-safe deposit lockers tagħhom f’dawn il-fergħat, f’dan iż-żmien li fih dawn il-fergħat se jkunu magħluqa, għandhom iċemplu l-Customer Service Centre tal-Bank biex jingħataw appuntament.
Klijenti ta’ dawn il-fergħat li jeħtieġu servizzi oħra li mhumiex relatati ma’ ġbid ta’ flus u depożiti għandhom jibagħtu imejl lil info@bov.com jew iċemplu fuq +356 2275 3500 (mit-Tnejn sal-Ġimgħa mit-8 ta’ filgħodu sal-4 ta’ wara nofsinhar).
L-ATMs kollha tal-Bank madwar Malta u Għawdex se jibqgħu joperaw b’mod normali.
Mezzi Diġitali
Il-Bank of Valletta ikompli jħeġġeġ lill-pubbliku biex inaqqas l-użu tal-flus u minflok juża mezzi diġitali bħal ħlas bil-contactless cards u l-BOV Pay u biex iwettaq tranżazzjonijiet bankarji permezz tal-BOV Internet Banking, il-BOV Mobile Banking u l-Customer Service Centre.
Il-Bank jappella lill-klijenti tiegħu biex imorru fil-fergħat tiegħu biss għal servizzi urġenti li ma jistgħux isiru minn mezzi diġitali.