Il-Bank of Valletta ħabbar li se jirrifondi l-flus minn tariffi, wara li aktar kmieni qal li t-tariffi relatati ma’ kontijiet li mhux jintużaw jew kontijiet b’bilanċi ta’ €200 jew anqas, ġew sospiżi.
Il-Bank sostna li kien hemm numru ta’ klijenti li ma kinux jaf b’intorduzzjoni ta’ dawn it-tariffi, minkejja l-programm ta’ komunikazzjoni l-Bank nieda bejn Ġunju u Diċembru 2020.
Fi stqarrija l-BOV qal li introduċa dawn it-tariffi biex jirkupra parti mill-ispejjeż relatati biex imantni kontijiet li l-klijenti jagħżlu li ma jużawx jew li jinżammu b’bilanċ baxx. Il-Bank saħaq li se jkun qed jissokta bid-diskussjonijiet mar-regolatur u se jkun qed jinforma mill-ġdid lill-klijenti tiegħu dak li jkun ġie deċiż.
Il-BOV tenna li l-klijenti ser jirċievu lura t-tariffi b’mod awtomatiku u mhux ser ikun hemm bżonn li wieħed jikkuntattja l-fergħa jew il-Customer Service Centre tal-BOV sabiex jieħu l-flus lura.
Minkejja dan, il-BOV ħeġġeġ lill-klijenti li ma jużawx il-kontijiet bankarji tagħhom biex jew jattivaw dawn il-kontijiet, jew jagħlquhom jekk ma jkunux meħtieġa aktar jew jagħżlu kont bankarju bażiku li huwa eżentat minn dawn it-tariffi.