Il-Bank of Valletta se jkun qed joħroġ dividend t’€10 miljun għax-shareholders kollha tal-Bank.
Il-Bord tad-Diretturi tal-BOV qabel li joħroġ dividend għal kull sehem u dan se jitħallas lejn l-aħħar ta’ Jannar li ġej.
Il-Bank qal li kien f’qagħda li jagħti dividend wara li l-qagħda tiegħu waqt pandemija baqgħet waħda b’saħħitha.
Intqal li minkejja l-isfidi tal-imxija, il-Bank qed jirnexxielu jkompli b’andament pożittiv.
Xahar ilu l-Bank ħabbar li fit-tielet kwart ta’ din is-sena ra profitt qabel it-taxxa ta’ €20.6 miljun
Din iċ-ċifra tirrappreżenta żieda ta’ €5.9 miljun meta mqabbla mal-istess perjodu tas-sena l-oħra.
Dan ifisser ukoll li fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena għamel profitt qabel it-taxxa ta’ €46.5 miljun
Id-dħul tal-Bank għall-perjodu ta’ disa’ xhur kien ta’ €172.1 miljun, żieda ta’ 4% fuq l-istess perjodu fl-2020.
Dan huwa dovut prinċipalment għal volumi mtejba fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, partikolarment fis-self għad-djar, fil-kards u fil-pagamenti.
Iċ-Chairman tal-BOV Dr Gordon Cordina kien qal li l-Bank qed jaddotta attitudni ottimista iżda b’kawtela, minħabba l-attività ekonomika pożittiva li mistennija tkompli fl-aħħar kwart ta’ din is-sena u tul is-sena d-dieħla.
Huwa innota wkoll kif il-fatt li pajjiżna tpoġġa fuq il-proċedura ta’ iżjed moniteraġġ mill-FATF ma kellix impatt kbir fuq l-ekonomija għajr għal xi żieda fid-dokumentazzjoni f’ċertu każijiet li fihom jkun hemm bżonn jsiru tranżazzjonijiet bejn il-banek.