Il-Bank of Valletta rrefera għall-Company Announcement li nħareġ mill-Bank dalgħodu u għal rapporti fil-midja.
Qal li d-deċiżjoni tal-corresponding Bank ING li jtemm ir-relazzjoni tiegħu mal-BOV għandha titqies f’kuntest fejn il-banek internazzjonali qed inaqqsu s-servizzi bankarji korrispondenti tagħhom mad-dinja kollha.
Fi stqarrija, il-bank qal li din hija parti minn eżercizzji ta’ tnaqqis ta’ riskji li qed iseħħu fl-industrija bankarja wara firxa ta’ fallimenti fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus, speċjalment fl-Ewropa.
Qal li ġurisdizzjonijiet żgħar bħal Malta qed jintlaqtu b’mod partikolari, peress li l-volumi ta’ negozju li jiġġeneraw mhumiex biżżejjed biex ikunu ta’ interess għall-banek il-kbar, minħabba r-riskji u l-ispejjeż ta’ konformità.
Iċ-Chairman tal-Bank of Valletta, is-Sur Deo Scerri, iddikjara li l-Bank iqis li huwa kruċjali li jkun hemm netwerk ta’ banek korrispondenti li joffru servizzi fil-muniti internazzjonali ewlenin, bħad-dollaru Amerikan.
Qal li l-Bank żied l-isforzi tiegħu biex isib arranġamenti alternattivi biex joffru dawn il-muniti.
Qal li l-BOV għaddej minn programm ta’ trasformazzjoni bil-għan li jnaqqas il-profil tar-riskju tiegħu u jsaħħaħ l-istrutturi, is-sistemi u l-politiki kontra reati marbuta mal-ħasil tal-flus.
Is-Sur Scerri spjega li dan huwa programm ta’ bidla ewlieni li qed jitwettaq taħt il-gwida ta’ żewġ kumpaniji globali ta’ konsulenza.
Il-Bord tad-Diretturi tal-Bank qal li huwa fiduċjuż li dan il-programm se jippermetti lill-Bank jiżgura relazzjonijiet bankarji korrispondenti alternattivi ħafna qabel mal-kontijiet mal-ING jingħalqu f’Diċembru li ġej.