Rappreżentant tal-Bank of Valletta qal fil-Qorti li l-Bank ressaq protest ġudizzjarju dwar rapporti fil-midja fuq ix-xhieda tal-BOV f’każijiet kbar ta’ ħasil ta’ flus.
Dan intqal hekk kif kompliet il-kumpilazzjoni tax-xhieda fil-każ ta’ ħasil ta’ flus fil-konfront tal-allegat mandant fil-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, Yorgen Fenech.
Huwa qed ikun akkużat b’ħasil ta’ flus u miżapropprijazzjoni ta’ fondi minn kumpanija li għandu flimkien ma’ zijuh Ray Fenech.
Fil-fatt, tul is-seduta rappreżentanti minn banek differenti u istituzzjonijiet tal-istat ġabu informazzjoni quddiem il-Qorti relatata mal-każ.
Fix-xhieda tar-rappreżentanti tal-banek intqal ukoll x’kontijiet kellu Fenech u l-kumpaniji tiegħu.
Silvio Fenech mill-Bank of Valletta tenna d-diżappunt tiegħu dwar rapport fil-midja dwar ix-xhieda tal-bank u għalhekk talab biex jixhed wara bibien magħluqa.
B’rabta ma’ dan, il-Maġistrat Donatella Frendo Dimech tenniet li ma tistax tordna lill-midja ma tiktibx li rappreżentant tal-Bank tela’ jixhed.
Kien hawn li Chetcuti spjega li l-Bank kien biss diżappuntat bil-kontenut tar-rapporti.
Il-Qorti ċaħdet it-talba biex ma tiġix irrapurtata x-xhieda tar-rappreżentant madankollu għamlitha ċara li ma jistgħux jiġu ppubblikati dettalji sensittivi relatati ma’ kontijiet privati individwali.