Il-Grupp Bank of Valletta ħabbar prestazzjoni finanzjarja b’saħħitha u sostnuta għall-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena, bi profitt ta’ €223.7 miljun qabel it-taxxa, żieda ta’ kważi 37% fuq is-sena li għaddiet.
Ġie rrapportat li d-dħul mill-operat tal-grupp żdied minn ftit inqas minn €316-il miljun fl-2023 għal iżjed minn €359 miljun din is-sena.
Il-portafoll ta’ kreditu wera wkoll tkabbir konsistenti, li rriżulta f’żieda ta’ 9.1%, primarjament attribwit għal tkabbir sostnut fl-oqsma kollha tan-negozju, inkluż self kummerċjali, self għad-djar u self personali.
Il-ktieb tal-investimenti żamm ix-xejra ’l fuq u żdied għal €5.9 biljun, kif ukoll id-depożiti tal-klijenti kemm f’kontijiet personali kif ukoll f’kontijiet kummerċjali żdiedu b’1% sa mill-bidu tas-sena, indikazzjoni mill-akbar bank f’pajjiżna ta’ iżjed titjib fil-ġid tal-familji u n-negozji.