Il-Bank of Valletta rnexxielu jirkupra €10 miljun mit-13-il miljun li nsterqulu fl-attakk ċibernetiku ta’ li ġarrab tliet xhur ilu. Dan żvelah il-President tal-Bord tad-Diretturi tal-Bank Deo Scerri waqt li kien qed jindirizza l-laqgħa ġenerali annwali tal-Bank.
Qal li l-Bank mistenni jirkupra l-flus kollha li nsterqulu u u ħabbar li l-pulizija rnexxielha tidentifika l-moħħ wara dan l-attakk.
Is-Sur Scerri żvela li l-Pulizija internazzjonali skopriet l-imputati li wettqu u serqu l-flus mill-bank. Qal li l-bank qabbad avukati barranin biex jintraċċaw il-flus u jġibuhom lura.
Intant matul il-laqgħa, is-Sur scerri ħabbar li l-bank għamel profitt qabel it-taxxa ta’ €71.2 miljun. Dan wara li warrab €75 miljun bħala provediment f’każ li jitlef kawża li nfetħet kontrih.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Bank qal li sabiex il-bank jenfasizza fuq is-sostenibbilta’ u l-istabilita’ fit-tul, il-Bord tad-Diretturi ddeċieda li ma jkunx hemm ħlas ta’ dividend. Madankollu, qal li l-azzjonisti se jingħataw ishma bonus ta’ sehem ġdid għal kull għaxar ishma miżmuma.