Nhar il-Ġimgħa 15 ta’ Novembru, il-Bank of Valletta ngħata l-premju prestiġjuż tal-Kumpanija tas-Sena għall-2024 mill-Borża ta’ Malta. Dan il-premju jirrikonoxxi l-kisbiet eċċezzjonali tal-Grupp BOV fil-prestazzjoni finanzjarja, ir-responsabbiltà soċjali korporattiva (CSR), il-prattiki ambjentali, soċjali u ta’ governanza (ESG), kif ukoll il-kollaborazzjoni usa’ mal-partijiet interessati.
Dan it-tragward jistabbilixxi punt ta’ riferiment ġdid għall-Bank of Valletta, xhieda tal-impenn kontinwu tal-Bank għall-eċċellenza u t-tmexxija fl-oqsma ewlenin tal-operat tiegħu. Il-premju jafferma mill-ġdid il-pożizzjoni tal-Bank bħala mexxej ewlieni fis-settur tas-servizzi finanzjarji u xempju għas-sostenibbiltà, l-integrità, u valuri ċċentrati fuq il-klijent.
Fid-diskors tiegħu, Dr Gordon Cordina, Chairman tal-Bank of Valletta, esprima ruħu kburi li aċċetta l-premju f’isem il-Bord tal-BOV, filwaqt li rrikonoxxa l-impenn muri mill-impjegati kollha f’din il-kisba, kif ukoll il-kollaborazzjoni mill-qrib bejn il-Bank u d-diversi partijiet interessati tiegħu. “Parti mill-vjaġġ ta’ trasformazzjoni tal-Bank kien lejn ritorn fil-profittabbiltà, kif ukoll impenn biex il-Grupp BOV ikun sigur kemm għall-preżent kif ukoll għall-futur. Dan l-approċċ jirrifletti wkoll l-iżviluppi fl-ekonomija lokali, minħabba r-rabta diretta bejn it-tnejn.
Il-vjaġġ tal-Bank ikompli billi jiffoka fuq id-diġitalizzazzjoni u s-sostenibbiltà, u impenn lejn l-eċċellenza fit-tmexxija fl-aspetti kollha tal-operat tal-Bank. Irridu nkunu mexxejja fl-inkoraġġiment ta’ prattiki kummerċjali sostenibbli, mexxejja fit-trawwim tal-ekonomija fi żminijiet ta’ sfida, u r-rispett ta’ prattiki ta’ konformità b’saħħithom. Fuq kollox, aħna nimmiraw linkunu minn ta’ quddiem billi npoġġu lill-klijent fil-qalba ta’ dak kollu li nagħmlu.”
Il-Kap Eżekuttiv Kenneth Farrugia enfasizza l-kisbiet tal-Bank li attribwixxa primarjament għal direzzjoni strateġika ċara, approċċ li jagħti prijorità lill-impjegati, u impenn sħiħ biex jinħoloq valur kemm għall-klijenti kif ukoll għall-partijiet oħra interessati.