Fil-Jum Dinji tad-Down Syndrome, il-Bank of Valletta qed jiċċelebra l-kontribuzzjoni siewja u l-kisbiet ta’ erba’ impjegati bid-Down Syndrome, li saru parti integrali mill-familja tal-BOV. Id-dedikazzjoni, ix-xogħol u l-entużjażmu tagħhom juru l-impenn qawwi tal-Bank li jippromwovi l-inklużjoni fuq il-post tax-xogħol.
Illum, niċċelebraw il-ħidma ta’ Christian Zammit, Maria Pia Saliba, Charline Magro, u Alec Falzon.
Christian Zammit kien l-ewwel impjegat bid-Down Syndrome li ngħaqad mal-Bank – 23 sena ilu. Bħala membru tat-Taqsima tal-Learning and Development, huwa jipprovdi appoġġ lill-kollegi tiegħu b’diversi modi.
Maria Pia Saliba ilha membru tal-Bank għal seba’ snin, u taħdem mat-Taqsima tal-Customer Onboarding. Hija ssostni “ninsab kuntenta ħafna li naħdem hawnhekk. Inħobb lill-kollegi kollha, u nħoss li jien risepettata minn kulħadd. Nieħu gost naħdem magħhom; sibt it-tieni familja tiegħi hawnhekk.”
Charline Magro taħdem fit-Taqsima tal-E-Banking, fejn tassisti lill-kollegi tagħha permezz ta’ diversi xogħlijiet bħalma hu shredding, u spiss tqassmilhom xi ħaġa ħelwa.
Alec Falzon ingħaqad mad-Dipartiment tal-Personal Banking Channels sentejn ilu. Il-kollegi tiegħu jiddeskrivuh bħala enerġetiku u ħabrieki, filwaqt li jinnotaw li jagħmel differenza pożittiva fuq il-post tax-xogħol. Huwa eżempju ta’ kif il-kapaċitajiet u l-imħabba tiegħu għall-isport iħeġġu lill-oħrajn itejbu ħajjithom.
Ray Debattista, responsabbli mit-Taqsima People and Culture fi ħdan il-Bank of Valletta, innota li “l-Bank of Valletta hija waħda mill-aktar kumpaniji li tilqa’ persuni bi ħtiġijiet differenti. Aħna niffukaw fuq il-persuna, aktar milli fuq il-kwistjonijiet speċifiċi tagħha, għaliex nemmnu li kulħadd jistħoqqlu l-opportunità li jħossu inkluż fis-soċjetà.”
F’din l-okkażjoni, l-impjegati tal-Bank of Valletta ġew mistiedna jilbsu kalzetti differenti u jieħdu ritratti mal-kollegi fit-tim tagħhom.
Il-Jum Dinji tad-Down Syndrome jitfakkar kull sena fl-21 ta’ Marzu, biex jiżdied l-għarfien dwar id-Down Syndrome. Dan il-jum beda jiġi rikonoxxut min-Nazzjonijiet Magħquda fl-2012, bil-għan li wieħed jifhem aħjar u jiżdied l-appoġġ għal persuni bid-Down Syndrome. Id-data tissimbolizza t-triplikazzjoni tal-21 kromożoma, li tikkawża d-Down Syndrome.
