Il-Bank of Valletta ħabbar profitt ta’ €47.8 miljun matul l-2022.
Din iċ-ċifra ngħatat waqt konferenza tal-aħbarjiet li fiha ġew ippreżentati r-riżultati tal-Bank matul is-sena li għaddiet.
Meta din iċ-ċifra tiġi mqabbla mal-profitti tas-sena ta’ qabel, ir-riżultati juru tnaqqis ta’ 40 fil-mija. Iżda meta wieħed ineħħi l-effetti tal-ħlas relatati mal-każ tad-Deiulemar f’Mejju tal-2022, il-Bank ra profitti ta’ €151.7 miljun, żieda ta’ €71 miljun jew 88 fil-mija meta mqabbel mas-sena finanzjarja tal-2021.
F’dan il-każ, fl-2014 l-amministratur tal-grupp Deiulemar fetaħ kawża kontra l-Bank of Valletta fl-interess ta’ 13,000 resident tal-lokalità ta’ Torre Annunziata, li tilfu flushom meta falla l-grupp li kellu investiment f’fond tal-Bank of Valletta.
Fil-preżentazzjoni tar-riżultati, iċ-Chairman tal-BOV Gordon Cordina spjega li matul l-elfejn wieħed u għoxrin il-Bank laħaq ftehim barra l-Qorti, mingħajr ammissjoni tat-tort, li ġab fi tmiemhom it-talbiet legali kollha dwar il-kwistjoni Deiulemar.
Mitlub jinterpreta dawn in-numri, ic-chairman tal-BOV qal li meta jiġi eskluż l-effett tal-ħlas relatat ma dan il-każ, il-bank xorta waħda irrapporta tkabbir kontinwu fl-attivitajiet bankarji ewlenin tiegħu.
Il-bank irreġistra wkoll tkabbir sod fid-dħul, b’inizjattivi mmirati għall-klijenti u dinamika pożittiva tar-rata tal-imgħax, appoġġjata minn spejjeż aktar baxxi u rilaxx nett ta’ telf ta’ kreditu mistenni. Dan wassal biex id-dħul operattiv totali żdied b’21 fil-mija, jew €50.4 miljun għal €293.4 miljun meta mqabbel mal-€242.9 miljun fl-2021.
Il-Bank irreġistra ukoll żieda ta’ €371 miljun, li jfisser 3 fil-mija, fid-depożiti, primarjament xprunata minn tkabbir f’depożiti f’kontijiet kurrenti u ta’ tfaddil.
Dr Cordina qal li, matul is-sena li għaddiet, l-ekonomija ta’ pajjiżna reġġgħet kisbet ritmu ekonomiku pożittiv.
“Il-profitti li ħarġu mill-andament ġenerali kienu jirriflettu diversi xenarji fosthom it-tkabbir ekonomiku, id-domanda għas-self li ġejja min-negozju għax l-ekonomija qed tkompli tikber.”
Il-Kap Eżekuttiv u Direttur Eżekuttiv tal-Bank, Kenneth Farrugia, stqarr li dawn ir-riżultati qed ikomplu juru l-progress tal-bank u għal darb’oħra qal jikkonfermaw li l-prestazzjoni tal-bank għadha b’saħħitha fl-attivitajiet ewlenin tiegħu.