Min nhar it-Tnejn li ġej il-Bank of Valletta se tkun qed testendi l-ħinijiet tal-operat tagħhom.
Fi stqarrija, il-bank qal li min nhar it-Tnejn 1 ta’ Ġunju l-fergħat tal-BOV se jkunu miftuħin bejn it-8:30 ta’ filgħodu u s-1:30 ta’ wara nofsinhar.
Il-bank qal li l-ġbid ta’ flus u tisrif ta’ ċekkijiet se jkunu aċċettati sa nofsinhar bħal ma kienu jkunu qabel il-miżuri li ttieħdu minħabba l-imxija tal-Coronavirus. Fl-istqarrija, il-bank kompla jgħid li l-klijienti xorta waħda jistgħu jibqgħu jużaw is-servizz tal-ATMs, li huma disponibbli f’kull ħin tal-ġurnata sabiex wieħed jevita l-kjuwijiet.
Il-Kap Eżekuttiv tal-BOV Rick Hunkin qal kif matul dan iż-żmien tal-pandemija l-bank ħa kull deċiżjoni ttieħdet skont il-pariri tal-awtoritajiet tas-saħħa sabiex jipproteġu l-klijenti u lill-ħaddiema tal-bank.
Fl-istqarrija ngħad ukoll kif il-klijenti jistgħu jagħmlu appuntamenti għal kwalunkwe servizz mhux tal-kaxxiera bħal self għad-djar, self personali, investimenti, cards bankarji jew Internet Banking billi jibagħtu email fuq info@bov.com bit-tip ta’ servizz meħtieġ, numru tal-mobile, numru tal-Karta tal-Identità u l-fergħa preferuta jew billi jċemplu fuq +356 2275 3500 mit-Tnejn sal-Ġimgħa mit-8 ta’ filgħodu sal-4 ta’ wara nofsinhar.
Il-Bank of Valletta bħalissa qed jopera fi 28 fergħa madwar Malta u Għawdex, hekk kif numru ta’ fergħat xorta waħda se jibqgħu magħluqa temporanjament.