Kmieni l-Ħamis filgħodu l-Bank of Valletta ħabbar li matul il-lejl li għadda rrestawra s-servizzi tiegħu għan-normal. Qal ukoll li dan sar wara lejl sħiħ ta’ provi li taw riżultat pożittiv, li s-sistemi reġgħu ġew lura għan-normal.
Fi stqarrija l-bank qal li l-klijenti issa jistgħu jerġgħu jibdew jagħmlu użu mis-servizzi tal-ATMs, friegħi tal-banek kollha, servizzi tal-internet banking u kif ukoll permezz tal-cards. Madankollu għalissa is-servizz ta’ ħlas lil terzi persuni għadu ma ġiex attivat. Hawnekk il-bank qal li se jikkomunika kull żviluppi li jistgħu jsiru fil-ħin li ġej.
Il-Bank of Valletta reġa’ serraħ moħħ in-nies li l-ebda kont bankarju ma kien affetwat minn dan is-cyber attack fil-konfront tal-bank. Qal ukoll li l-pjanijiet ta’ kontinġenza li kellu dan il-bank daħlu fis-seħħ immedjatament, liema pjanijiet issalvagwardjaw il-kontijiet li huma miftuħa fl-imsemmi bank. Il-Bank of Valletta fakkar lill-klijenti tiegħu sabiex joqogħdu attenti minn talbiet għall-flus mill-kontijiet personali u fakkar kif il-bank qatt ma jitlob dettalji personali minn fuq il-midja soċjali, telefon jew bl-email. Kull min jirċievi talbiet simili għandu jikkuntatja lill-BOV fuq in-numru 21312020.
Il-bank għalaq l-istqarrija billi rringrazzja lill-klijenti kollha tiegħu għas-sapport li wrew matul il-jum tal-ħamis u apoloġizza għall-inkonvenjent li seta’ nħoloq.
Dan l-attakk fuq is-sistemi tal-bank seħħ l-Erbgħa waranofsinhar bil-bank jinduna li saru numru ta’ tranżazzjonijiet fittizli li ammontaw għal €13-il miljun. Fi stqarrija Ministerjali fil-Parlament, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li qal li flimkien mal-Minstru għall-Finanzi Edward Scicluna u s-Segretarju Parlamentari Silvio Schembri ltaqa’ mal-ogħla uffiċjali tal-bank dwar l-attakk li kien għadu kif seħħ.
IL-Prim Ministru spjega li dan l-attakk oriġina minn barra l-pajjiż u laqa’ l-fatt li l-Bank rreaġixxa bl-aħjar mod billi waqqa’ s-sistemi kollha tiegħu f’inqas minn nofs siegħa.
Dr Muscat spjega li f’dan l-attakk inħolqu tranżazzjonijiet fittzji lejn kontijiet f’banek fir-Renju Unit, l-Istati Uniti, ir-Repubblika Ċeka u Hong Kong. Spjega li b’mod immedjat il-Bank talab lil dawn il-banek sabiex iwaqqfu dawn il-pagamenti u ntalbu jroddu l-pagamenti li setgħu saru.
Il-Prim Ministru qal ukoll li jinsab infurmat li l-Pulizija Maltija qed tinvestiga flimkien mas-Servizzi tas-Sigurta Internazjzonali u nħatret inkjesta maġisterali dwar dan l-attakk.