Il-Bank of Valletta qed jappoġġja programm kreattiv organizzat mill-Kunsill Malti għall-Arti, b’kollaborazzjoni mal-kuratur u artisti tal-Padilun ta’ Malta, li jwassal l-ispirtu tal-Venice Art Biennale lejn ix-xtut Maltin.
Il-Venice Art Biennale hija waħda mill-akbar wirjiet ta’ arti kontemporanja fid-dinja, u Malta din is-sena se terġa’ tieħu sehem bil-Padiljun tagħha matul it-58 edizzjoni ta’ din il-wirja internazzjonali tal-arti.
Permezz ta’ dan il-programm, tfal, studenti tas-Sixth form u universitarji li jistudjaw l-arti u l-letteratura ġewwa Malta u Ċipru, se jkunu qed jieħdu sehem f’sett ta’ workshops kreattivi, sabiex jesploraw kwistjonijiet umani, jisfidaw in-norma, u finalment jipproduċu xogħlijiet tal-arti.
Il-workshops għall-istudenti tas-Sixth form ġew imnedija fis-27 ta’ Frar u se jkunu qed jitmexxew mill-Professur Vince Briffa, wieħed mit-tlett artisti tal-Padiljun ta’ Malta.
Il-workshops jiffukaw fuq ‘Outland’, l-installazzjoni ta’ film ta’ Briffa, li ħa jkun esebit fil-Padiljun ta’ Malta ġewwa Venezja din is-sena.
L-istudenti se jesploraw l-emozzjonijiet u l-kwistjonijiet umani, il-manifestazzjoni ta’ mħabba u xewqat ossessivi, u nisġa ta’ esperimentazzjoni u riflessjoni sabiex jipproduċu x-xogħlijiet tal-arti tagħhom.
L-esperimentazzjoni se tiffoka biex timbutta lil dawn l-istudenti lil hinn mill-comfort zone tagħhom, u tixpruna lill-artisti lejn il-kelma miktuba, u lill-kittieba lejn il-forma tat-tpinġija.
L-ispirazzjoni tagħhom se tinbet mill-Odyssey, billi jisiltu mill-kunflitti tal-personalitajiet ta’ Ulysses u Calypso.
Min-naħa waħda se jidħlu fil-personalità ta’ Ulysses li huwa komdu, maqbud f’refuġju sikur ta’ gżira, imma mxennaq biex jerġa’ lura għall-ħajja oriġinali tiegħu filwaqt li jibża’ mil-perikli li hemm biex jaqsam il-baħar.
Min-naħa l-oħra se jassorbu lil Calypso li qed tiġġieled it-taqbid intern tagħha kemm bħala maħbuba kif ukoll bħala oppressura.
Il-Professur Briffa enfasizza kif l-artisti jużaw il-kundizzjonijiet tal-bniedem biex joħolqu l-arti, kif l-istudenti għandhom bżonn jisfidaw lilhom infushom u joħorġu ’l barra mill-comfort zone tagħhom.
“Se nitbegħdu lil hinn milli naraw l-att tat-tpinġija bħala l-uniku mezz biex nipproduċu l-immaġni ta’ oġġett għal wieħed li jsir parti minn proċess ta’ ħsieb, li jiġġenera l-għarfien waqt li jkunu qed jinħolqu l-immaġnijiet.”
Huwa rringrazzja lill-Bank of Valletta għall-appoġġ tiegħu biex dawn il-workshops setgħu jseħħu.
Claudette Pace mill-Bank of Valletta, ħeġġet lill-istudenti biex jesploraw u jkunu kreattivi, u qatt ma jħallu l-ġirja tal-ħajja ttellef mill-kreattività tagħhom.
Hija qalet li, “l-Bank of Valletta huwa dejjem fuq quddiem nett biex jappoġġja l-Arti, il-Kultura u l-Edukazzjoni, b’mod speċjali fejn dan jinvolvi ż-żgħażagħ. X’mod aħjar jista’ jkun hemm biex tinvesti, milli fil-futur ta’ pajjiżna?”