Il-Bank of Valletta ħabbar kif fit-tielet kwart ta’ din is-sena ra profitt qabel it-taxxa ta’ €20.6 miljun.
Din iċ-ċifra tirrappreżenta żieda ta’ €5.9 miljun meta mqabbla mal-istess perjodu tas-sena l-oħra.
Dan ifisser ukoll li fl-ewwel disa’ xhur ta’ din is-sena għamel profitt qabel it-taxxa ta €46.5 miljun.
Il-Kap Eżekuttiv tal-BOV Rick Hunkin stqarr kif dawn iċ-ċifri juru li kull ma jmur il-proċess ta’ rkupru li għaddej minnu pajjiżna qed ikompli jkun pożittiv.
Dan filwaqt li nnota kif anke n-negozji qed jaraw irkupru tajjeb.
Id-dħul tal-Bank għall-perjodu ta’ disa’ xhur kien ta’ €172.1 miljun, żieda ta’ 4% fuq l-istess perjodu fl-2020.
Dan huwa dovut prinċipalment għal volumi mtejba fis-settur tal-bejgħ bl-imnut, partikolarment fis-self għad-djar, fil-kards u fil-pagamenti.
Hunkin stqarr kif fiċ-ċirkostanzi, il-Bank qed jaddotta attitudni ottimista iżda b’kawtela, minħabba l-attività ekonomika pożittiva li mistennija tkompli fl-aħħar kwart ta’ din is-sena u tul is-sena d-dieħla.
Huwa innota wkoll kif il-fatt li pajjiżna tpoġġa fuq il-proċedura ta’ iżjed moniteraġġ mill-FATF ma kellix impatt kbir fuq l-ekonomija għajr għal xi żieda fid-dokumentazzjoni f’ċertu każijiet li fihom jkun hemm bżonn jsiru tranżazzjonijiet bejn il-banek.
Stqarr li jekk pajjiżna ma jdumx f’din il-proċedura, l-effetti tagħha mhux ser ikunu qed jinħassu.
Xi ħaġa li sostnieha wkoll iċ-Chairman tal-BOV Gordon Cordina.
F’konferenza tal-aħbarijiet intqal ukoll kif il-BOV jinsab fit-triq it-tajba fl-implimentazzjoni tal-istrateġija tal-2023 sabiex ikun hemm titjib fl-esperjenza tal-klijent.
Dan filwaqt li l-bank ser ikun qed jagħti iżjed attenzjoni għall-aġenda ambjentali, soċjali u ta’ governanza sabiex din ukoll tidħol fil-qafas tal-organizazzjoni.