Il-Bank of Valletta mhux talli rrifjuta b’mod kategoriku allegazzjonijiet dwar ksur ta’ regoli fejn jidħol ħasil ta’ flus, talli temm mijiet ta’ relazzjonijiet bankarji tul l-aħħar xhur – ħafna minnhom stabbiliti fid-deċenji li għaddew.
Il-Bank ħareġ stqarrija wara rapporti f’ċertu mezzi tax-xandir. Ċaħad b’saħħa li kiser regoli dwar ħasil ta’ flus u sostna li jieħu l-kummenti tar-regolaturi b’serjetà kbira.
Stqarr li r-relazzjoni tal-bank mar-regolaturi kollha hija professjonali, u flimkien jaraw li ħadd ma juża l-bank għal skopijiet illeġittimi.
Waħda mill-miżuri li qed jieħu l-Bank hija eżerċizzju ta’ due diligence fuq intermedjarji finanzjarji li jinnegozjaw mal-bank. Dan l-eżerċizzju wassal biex madwar 70 relazzjoni bejn il-bank u intermedjarji ġew mitmuma tul is-sena li għaddiet.