Il-Bank of Valletta, b’kollaborazzjoni mal-Fond Ewropew tal-Investiment (EIF) għadu kemm nieda żewġ prodotti ta’ self attraenti mmirati għan-negozji żgħar u medji (SMEs). L-iskemi huma miftuħa għan-negrozji ż-żgħar u ta’ daqs medju bbażati f’Malta u jgawdu minn mekkaniżmu ta’ riskju mqassam u garantit mill-EIF. L-iskemi ta’ finanzjament: BOV SME Grow u BOV SME Grow Green huma skemi simili għall-BOV JEREMIE u BOV JAIME li kienu offruti mill-BOV fil-passat u li l-fondi marbuta magħhom ġew utilizzati kollha b’suċċess.
L-aspett innovattiv ta’ wieħed minn dawn il-prodotti ta’ self – il-BOV SME Grow Green – huwa li joffri rata ta’ imgħax iktar vantaġġjuża bil-għan li jinċentiva lill-klijenti kummerċjali jagħmlu qalba favur l-ambjent. Għaldaqstant, negozji li jixtiequ jinvestu f’enerġija rinnovabbli jew soluzzjonijiet ta’ enerġija effiċjenti bħal panelli fotovoltajċi, sistemi li jsaħħnu jew ikessħu, sistemi ta’ insulazzjoni, vetturi elettriċi jew mezzi biex jiċċarġjaw dawn il-vetturi, u miżuri oħra mmirati biex inaqqsu l-konsum tal-enerġija u t-tniġġis, jistgħu jibbenefikaw mill-prodott BOV SME Grow Green.
Iż-żewġ prodotti joffru self sa €750,000 pagabbli fuq perjodu ta’ mhux iktar minn 10 snin. Il-BOV SME Grow għandu rata ta’ imgħax varjabbli għal total ta’ 3.8% filwaqt li l-BOV SME Grow Green huwa offrut b’rata ta’ imgħax varjabbli b’total ta’ 2.8%. Benefiċċji oħra jinkludu tnaqqis fil-kontribuzzjoni inizjali u inqas kollateral rikjest.
Wara li tħabbar ftehim bejn il-BOV u l-EIF, iċ-Chief Commercial Officer tal-BOV, is-Sur Simon Grech qal li: “Permezz tal-kollaborazzjoni tagħna mill-qrib mal-Fond Ewropew tal-Investiment, qegħdin f’pożizzjoni vantaġġuża li noffru lill-klijenti kummerċjali tagħna, żewġ prodotti ta’ self attraenti ħafna, peress li m’għandniex bżonn kollateral qawwi biex jagħmel tajjeb għar-riskju u lanqas m’għandna bżonn nitolbu kontribuzzjoni inizjali għolja. Il-pakketti finanzjarji huma disponibbli għall-parti l-kbira tas-setturi ekonomiċi f’Malta bil-għan li ħafna iżjed SMEs ikomplu jikbru u jiżviluppaw. Grazzi wkoll għall-alternattiva iktar ekoloġika ta’ dan il-prodott, se nkomplu ninċentivaw iktar negozji jagħmlu investiment sostenibbli billi qed noffrulhom rata ta’ imgħax aħjar meta jinvestu biex inaqqsu l-emissjonijiet”.
Il-BOV SME Grow u l-BOV SME Grow Green huma ffinanzjati mill-Unjoni Ewropea permezz tal-Fond Reġjonali Ewropew għall-Iżvilupp (ERDF) bis-sostenn finanzjarju tar-Repubblika ta’ Malta taħt il-Kompartiment tal-Istat Membru InvestEU f’Malta. Is-self kollu huwa suġġett għall-kriterji normali tas-self għall-approvazzjoni finali mill-Bank. Klijenti tan-negozju li jixtiequ jibbenefikaw mill-BOV SME Grow u BOV SME Grow Green huma mħeġġa jċemplu lid-Dipartiment tal-BOV Business Development and Customer Value fuq 2275 1122 jew jibagħtu email fuq businessdevelopment@bov.com. Għal iktar informazzjoni wieħed jista’ jżur https://www.bov.com/bov-sme-grow u https://www.bov.com/bov-sme-grow-green.