Il-Bank of Valletta nieda b’suċċess is-servizz ta’ Instant Payments tas-SEPA, li joffri lill-klijenti mod aktar effiċjenti biex jirċievu pagamenti minn kwalunkwe post fl-Ewropa. Din l-inizjattiva tenfasizza l-impenn tal-Bank li joffri soluzzjonijiet innovattivi iċċentrati fuq il-klijent, u jafferma mill-ġdid l-isforz tal-Bank biex itejjeb l-esperjenza tal-klijent b’servizzi ta’ ħlas moderni u affidabbli.
Bl-Instant Payments tas-SEPA, fondi jiġu trasferiti u jsiru disponibbli fil-kont tar-riċevitur f’inqas minn 10 sekondi, fi kwalunkwe ħin tal-ġurnata jew tas-sena. B’differenza mit-trasferimenti tradizzjonali tas-SEPA, li jistgħu jieħdu sa tlett ijiem, dan is-servizz jiżgura li l-fondi jkunu aċċessibbli immedjatament, u jipprovdi konvenjenza u affidabbiltà kemm għall-individwi kif ukoll għan-negozji.
It-tnedija hija parti mill-istrateġija usa’ tal-Bank of Valletta biex jimmodernizza s-servizzi tiegħu u jissodisfa l-ħtiġijiet tal-klijenti li dejjem qed jevolvu. In-negozji għandhom jibbenefikaw minn effiċjenza mtejba fil qasam ta ġestjoni ta’ flus, filwaqt li l-individwi jgawdu minn serħan tal-moħħ f’aċċess għall-fondi u aġġornamenti immedjati. Din l-inizjattiva hija riżultat ta’ kollaborazzjoni ta’ diversi timijiet fi ħdan il-Bank, u turi l-kapaċità tal-Bank li jwassal proġetti kumplessi u b’impatt għoli permezz ta’ ħidma iffokata fuq l-eċċellenza.
Ernest Agius, Chief Operations Officer fil-Bank of Valletta, ta l-ewwel reazzjoni tiegħu dwar it-tnedija. “L-introduzzjoni tas-servizz ta’ Instant Payments tas-SEPA hija importanti għall-Bank of Valletta. Din l-inizjattiva tenfasizza l-impenn tagħna li nipprovdu soluzzjonijiet innovattivi u ċċentrati fuq il-klijent, filwaqt li juri wkoll il-ħidma u l-kapaċitajiet tal-impjegati tagħna.” Tonia Naudi, Lead Payments u Multichannel, ikkorroborat il-kummenti tiegħu billi żiedet, “Dan il-proġett jenfasizza d-dedikazzjoni tat-timijiet tagħna li ħadmu bla heda biex dan is-servizz ikun disponibbli. SEPA Instant Payments huwa servizz innovattiv ħafna, u aħna kburin li qiegħdin nistabbilixxu standard ġdid għal soluzzjonijiet ta’ ħlas f’Malta.”
Hekk kif il-Bank of Valletta qed ikompli jsaħħaħ is-servizzi ta’ pagament tiegħu, it-tnedija tas-SEPA Instant Payments timmarka pass importanti ieħor fil-vjaġġ tiegħu lejn it-twassil ta’ soluzzjonijiet aktar effiċjenti. Dan l-istadju importanti jirrifletti l-impenn kontinwu tal-Bank għall-innovazzjoni u l-eċċellenza. Għal aktar informazzjoni dwar is-SEPA Instant Payments, wieħed jista’ jżur www.bov.com jew jikkuntattja liċ-Ċentru tas-Servizz tal-Konsumatur tal-Bank fuq 356 2131 2020.