Riżultat tat-tkabbir ekonomiku anki fil-gżira tat-tliet għoljiet, il-Bank of Valletta mhux biss fetaħ fergħa ġdida fix-Xagħra iżda wkoll Ċentru għall-Investiment ġdid fir-Rabat. Żaret dawn iż-żewġ binjiet, il-Ministru Justyne Caruana li stqarret kif l-espanjoni tal-Bank of Valletta hija dikjarazzjoni ċara ta’ impenn reċiproku bejn il-Gvern u l-Bank of Valletta.
Hawnhekk fissret li l-Bank qed jaqdi l-interessi tal-klijenti tiegħu u min-naħa l-oħra qed tkompli tieħu s-sura l-viżjoni tal-Gvern għal Għawdex, dik li jkompli jassigura tkabbir ekonomiku, opportunijiet ta’ investiment u fuq kollox li jkomplu jinħolqu aktar impjiegi fis-settur finanzjarju. Il-Ministru Justyne Caruana qalet ukoll li l-Bank of Valletta huwa wieħed mill-pilastri ewlenin tas-servizzi finanzjarji f’pajjiżna.
Fid-dawl ta’ dan qalet ukoll li anki f’Għawdex il-bank investa bi sħiħ fosthom fir-riżors uman fejn illum jimpjega mal-mija u sbatax-il ħaddiem Għawdxi.