Il-Bank of Valletta wissa li ittra allegatament maħruġa minnu, kif ippubblikata fil-jiem li għaddew f’sors tal-midja bbażat f’Londra, mhi xejn għajr dokument falz u ffalsifikat.
L-istorja falza, li qalet li l-Ministru l-ġdid tad-Difiża Russu, Andrey Belousov, kellu xi kont fil-bank ewlieni Malti, ġiet imxerrda f’pajjiżna mill-establishment Nazzjonalista, permezz tal-blog ta’ Mark Camilleri, li diġà nqabad kemm-il darba wkoll jivvinta allegazzjonijiet biex jipprova jħammeġ lil pajjiżna.
Fi stqarrija, il-BOV tenna li din l-istorja falza ġġorr riskju ta’ ħsara lill-bank u lill-ġurisdizzjoni Maltija u li se jkun qed isegwi r-rimedji kollha disponibbli lilu fil-liġi biex jirranġa s-sitwazzjoni.
Il-bank saħaq li hu jinforma lis-suq fuq bażi regolari, skont l-obbligi legali u regolatorji tiegħu, fl-istess waqt li jżomm impenn attiv mal-midja u jinkoraġġihom jivverifikaw kull informazzjoni dwaru.