Il-Bank of Valletta ħabbar li b’effett mit-23 ta’ Marzu, ser jiġi introdott ammont minimu ta’ flus kontanti li wieħed jista’ jiġbed mill-fergħat tiegħu, sabiex jgħin fil-ġlieda kontra t-tixrid tal-COVID-19.
Il-Bank jifhem ir-rwol kruċjali li għandu f’Malta u Għawdex u huwa konxju ħafna tar-responsabbiltà tiegħu lejn il-komunità. Għal din ir-raġuni, il-Bank of Valletta qed ikompli joffri s-servizzi mill-fergħat tiegħu. Madankollu, l-aċċessibbiltà għas-servizzi bankarji tmur id f’id mas-sens komun u miżuri li jipproteġu lil kulħadd fiċ-ċirkustanzi tal-COVID-19. Għalhekk il-Bank qed jistinka biex inaqqas il-kuntatt mhux essenzjali sabiex tiġi evitata l-imxija tal-virus u jissalvagwardja s-saħħa tal-impjegati u l-klijenti tiegħu.
Għaldaqstant, mill-fergħat tal-BOV, il-klijenti li jridu jiġbdu flus kontanti, se jkunu jistgħu jiġbdu minn ammont ta’ € 500 ‘il fuq. Ammonti inqas minn € 500 jistgħu faċilment jinġibdu mill-ATMs li huma mifruxin madwar Malta u Għawdex.
Din il-miżura qed tiġi introdotta biex tnaqqas id-drabi li l-klijenti jżuru l-fergħat tal-Bank, u b’hekk tillimita l-kuntatt bla bżonn u stennija fil-kjuwijiet. Klijenti li m’għandhomx BOV Card u li għandhom inqas minn € 500 fil-kont, xorta se jkunu jistgħu jinqdew mill-fergħa biex jiġbdu l-flus. Pero’ dawn il-klijenti huma mħeġġa biex japplikaw b’xejn għall-BOV Cashlink Card.
Il-Bank qiegħed inaddaf l-ATMs tiegħu fuq bażi regolari, madankollu l-klijenti huma mħeġġa jipproteġu lilhom infushom u ’l ħaddieħor billi jieħdu l-prekawzjonijiet sanitarji tagħhom qabel u wara l-użu tal-ATMs; iżommu mill-inqas metru ’l bogħod jekk ikunu qed jistennew fil-kju u jirrispettaw lill-oħrajn billi ma jarmux l-ingwanti u tissues użati fil-kontenituri tal-irċevuti tal-ATM.
Il-Bank of Valletta jħeġġeġ lill-pubbliku inġenerali biex inaqqas l-użu tal-flus u minflok juża mezzi elettroniċi bħall-BOV contactless cards u l-BOV Pay u biex iwettaq tranżazzjonijiet bankarji permezz tal-BOV Internet Banking, il-BOV Mobile Banking u l-Customer Service Centre. Il-Bank jappella lill-klijenti tiegħu biex imorru fil-fergħat tiegħu biss għal servizzi urġenti li ma jistgħux jinkisbu minn dawn il-mezzi alternattivi.
Il-Bank of Valletta qed isegwi s-sitwazzjoni fuq bażi kontinwa f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Gvern u l-awtoritajiet tas-saħħa u se jkompli jieħu l-miżuri kollha meħtieġa biex jissalvagwardja lill-klijenti u l-impjegati tiegħu.
Il-Bank jirringrazzja lill-impjegati tiegħu għall-impenn, professjonaliżmu u dedikazzjoni li qedgħin juru biex jiżguraw is-servizz bankarju għall-komunità.
Aktar informazzjoni u aġġornamenti mill-BOV rigward il-COVID-19 huma disponibbli fuq https://bov.com/content/covid-19-bov-updates