Id-depożiti tal-klijenti fil-Bank of Valletta żdiedu b’aktar min-nofs biljun ewro fil-bidu tas-sena finanzjarja, u filfatt qabżu l-ħdax il-biljun ewro sal-aħħar ta’ Ġunju li għadda. Dan ħareġ f’konferenza tal-aħbarijiet li fiha, il-bank ħabbar li f’dan iż-żmien is-self żdied b’wieħed u disgħin miljun ewro, li hija rata ta’ tkabbir annwalizzat ta’ erbgħa fil-mija.
Hawnhekk tħabbar ukoll li fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena l-BOV rrapporta qligħ qabel it-taxxa ta’ tlettax-il miljun u tmien mitt elf ewro.
It-tmexxija tal-BOV spjegat ukoll li l-bank għad għandu likwidità għolja ħafna.
Fl-istess ħin id-dħul nett mill-imgħax ammonta għal tnejn u sebgħin miljun u tliet mitt elf ewro, aktar minn ħames miljun ewro anqas minn dak reġistrat fl-istess perjodu tas-sena l-oħra. Il-qligħ mill-Kummissjonijiet u mill-Kummerċ naqas ukoll biex issa jammonta għal sebgħa u tletin miljun ewro. Il-bank għamel nefqa totali ta’ ftit aktar minn disgħa u tmenin miljun ewro, fosthom fi spejjeż għal sistema bankarja ġdid li adotta fil-bidu ta’ din is-sena.
It-tmexxija tal-bank qalet li l-impatt negattiv tal-pandemiaj fuq l-operat kien inevitabbli.