Is-sena l-oħra, il-Grupp Bank of Valletta rreġistrat profitt qabel it-taxxa ta’ aktar minn mitejn, wieħed u ħamsin miljun ewro.
F’konferenza tal-aħbarijiet, l-akbar bank lokali qal li dawn ir-riżultati pożittivi huma sostnuti minn tkabbir qawwi tad-dħul. Fil-fatt il-bank esperjenza żieda fid-dħul operattiv minħabba t-titjib fid-dħul mill-imgħax is-sena l-oħra.
Id-dħul operattiv totali ammonta għal erba’ mija u erbgħin miljun ewro, bid-Dħul Nett mill-Imgħax baqa’ l-mutur ewlieni tad-dħul b’total ta’ tliet mija u tnejn u ħamsin miljun ewro. Dan filwaqt li d-Dħul Nett mit-Tariffi u l-Kummissjonijiet żdied b’miljun u erba’ mitt elf ewro.
Iċ-Chairman tal-BOV, Dr Gordon Cordina, sostna li s-sena l-oħra kienet sena pożittiva hekk kif ġew irreġistrati profitti b’saħħithom f’sitwazzjoni ta’ rati ta’ imgħax pożittivi.