Il-Bank of Valletta ħabbar sħubija ġdida ma’ fornitur ta’ servizzi finanzjarji rinomat internazzjonali għal tranżazzjonijiet fid-dollaru Amerikan.
Is-sħubija tal-BOV saret ma’ Citi u permezz tagħha se jiżdied l-aċċess dirett għas-servizzi tal-flus kontanti tad-dollaru Amerikan.
Il-Kap Eżekuttiv tal-BOV Kennet Farrugia qal li din ir-relazzjoni bankarja ma’ Citi hija pass ieħor importanti fil-mixja strateġika tal-Bank biex jagħti lill-klijenti personali u kummerċjali l-opportunità li jeżegwixxu pagamenti internazzjonali.
Fisser il-governanza u l-istandards tal-Bank bħala b’saħħithom ħafna biex il-BOV irnexxielu jaħdem ma’ kumpanija fis-suq globali bħalma hu Citi.
Citi taħdem għal bosta istituzzjonijiet u organizzazzjoni ewlenija fl-amministrar tal-ġid.
Dan apparti li Citi hu bank personali rinomat fis-suq domestiku fl-Amerka.
Emilios Kyriacou, Uffiċjal ta’ Citi għall-Greċja, Ċipru u Malta wera s-sodisfazzjon għas-sħubija ġdida mal-BOV.
Qal li l-kompetenza internazzjonali ta’ Citi se tiżgura li bank bħall-BOV jilħaq l-ambizzjonijiet strateġiċi tiegħu.
Intant din il-ġimgħa, il-BOV ħabbar profitt ta’ qabel it-taxxa ta’ ftit aktar minn mija u ħames miljun ewro għall-ewwel nofs din is-sena.
Id-dħul tal-bank kien milqut b’mod pożittiv minn diversi negozji tal-bank, primarjament il-kamp tas-self personali u lejn in-negozju u dak marbut mal-proprjetà.
Dan apparti dħul ieħor mill-kamp tal-investimenti.
Dan is-suċċess ġie attribwit għall-fatt li l-ekonomija Maltija qed tesperjenza tkabbir.