Il-Bank of Valletta ħabbar qligħ b’saħħtu ta’ €67.1 miljun qabel it-taxxa għall-ewwel kwart ta’ din is-sena, li fisser żieda ta’ 5.3% fuq l-istess perjodu s-sena l-oħra. Dan joħroġ waqt preżentazzjoni lill-midja t-Tlieta.
Waqt il-mistoqsijiet tal-ġurnalisti, it-tmexxija tal-bank ukoll m’eskludietx li qed tiġi esplorata l-possibilità li jinxtara s-sehem tal-HSBC f’pajjiżna.
Fil-preżentazzjoni dwar ir-riżultati finanzjarji għall-Grupp BOV, ingħad li dawn huma effett ta’ prestazzjoni pożittiva sew min-naħa tad-dħul kif ukoll mill-ispejjeż operattivi, f’riflessjoni tal-impenn tal-bank.
Matul dan il-perjodu, il-bank kompla bl-isforzi tiegħu li jkabbar il-valur tal-azzjonisti, isaħħaħ l-istruttura kapitali u l-pożizzjoni fis-suq permezz ta’ inizjattivi li tħabbru aktar kmieni din is-sena, fosthom il-proponiment ta’ ħruġ ta’ ishma bonus, ix-xiri lura tal-ishma u l-ħruġ ta’ bonds ġodda fix-xhur li ġejjin.
Il-BOV Group se jibqa’ bil-mira li jsostni l-prestazzjoni tiegħu u, għaldaqstant, jantiċipa li jilħaq profitt qabel it-taxxa ta’ bejn €200 miljun u €250 miljun għas-sena 2025.
Sadanittant, irreġistra wkoll €118.0 miljun fi dħul operattiv għal dan il-perjodu, li jirrifletti żieda marġinali fuq l-2024. L-ispejjeż totali għall-ewwel kwart, ammontaw għal €52.8 miljun, żieda ta’ 7.5% meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2024.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Bank of Valletta, Kenneth Farrugia, qal li dawn kienu riżultati pożittivi, anke meta mqabbel mas-sena l-oħra.
“Riżultati pożittivi għall-ewwel tliet xhur tas-sena. Ilħaqna profitt ta’ qabel it-taxxa ta’ €67.1 miljun, żieda fuq it-€63 miljun fuq l-istess kwart tas-sena 2024.”
Kenneth Farrugia, Kap Eżekuttiv, BOV
Hu żied jispjega t-titjib sostanzjali fis-self f’kull sens tiegħu.
“Kellna titjib sostanzjali fis-self, fil-kamp tas-self kummerċjali, però self għal dawk li jixtiequ jixtru l-ewwel jew it-tieni dar, kif ukoll fil-kamp tas-self personali.”
Kenneth Farrugia, Kap Eżekuttiv, BOV