Fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena, il-Bank of Valletta għamel profitt qabel it-taxxa ta’ aktar minn €148 miljun u kellu l-aqwa riżultati fl-ewwel sitt xhur tas-sena. Dan intqal f’konferenza tal-aħbarijiet li saret mill-bank it-Tnejn waranofsinhar, li kienet indirizzata, fost l-oħrajn, miċ-Chairman il-Professur Gordon Cordina u l-Kap Eżekuttiv Kenneth Farrugia.
Hawnhekk intqal li kien hemm żieda ta’ aktar minn €43 miljun meta mqabbel mal-ewwel sitt xhur tas-sena l-oħra. Dan hekk kif bejn Jannar u Ġunju tas-sena l-oħra, il-profitt qabel it-taxxa kien ta’ ftit aktar minn €105 miljun.
Intqal kif dan hu riżultat b’saħħtu għall-bank, hekk kif, fost oħrajn, żdied is-self lin-negozji, biex jinxtraw il-proprjetajiet u self personali.
“Kellna attività wkoll b’saħħitha ħafna fil-kamp tan-net fee commission income, li hu dak id-dħul li l-bank idaħħal minn diversi servizzi u prodotti li hu joffri, fil-kamp tal-fondi ta’ investiment, fil-kamp tal-prodotti tal-insurance … hemm ukoll il-brokerage, jiġifieri dik l-attività li l-klijenti jkunu jridu jixtru strumenti ta’ bonds jew ishma fuq il-Borża ta’ Malta jew fuq il-boroż internazzjonali.”
Kenneth Farrugia – Kap Eżekuttiv BOV
Il-bank kellu wkoll qligħ fl-użu tal-cards personali għall-ħlas, kemm lokalment u anke barra minn xtutna.
Intqal li dawn ir-riżultati nkisbu fi żmien meta l-inflazzjoni qed tkompli tonqos u qed tistabbilizza iżjed qrib il-mira tal-Bank Ċentrali Ewropew, dik ta’ 2%.
Dan filwaqt li t-tkabbir ekonomiku Malti għadu b’saħħtu, b’madwar 4%, bis-settur turisiku u dak tal-gaming fuq quddiem nett, waqt li r-rata tal-qgħad hi viċin it-3% u hi fl-aktar rati baxxi fl-istorja.
Il-Professur Cordina qal li, jekk dawn in-numri jinżammu hekk, ikun tajjeb ħafna għall-ekonomija Maltija u tkun ferm b’saħħitha mqabbla ma’ ekonomiji Ewropej.
Il-bank ewlieni f’pajjiżna, minbarra li qed itejjeb is-servizzi fil-fergħat tiegħu, qed jaħdem ukoll favur il-qalba diġitali, fost oħrajn, bl-app apposta li għandu għall-mowbajls, li biha tista’ tħallas.
“Din hi pjattaforma diġitali, hi app, li wieħed fin-negozju, jekk hux negozju żgħir jew negozju medju, jista’ jniżżel din l-app wara li jikkuntattja l-bank biex jagħmillu l-aċċess neċessarji u mbagħad il-klijenti tiegħu kull ma jridu jagħmlu, jittappjaw l-app fuq il-mobile u ovvjament min ikun qed joffri servizz ikun jista’ jitħallas.”
Kenneth Farrugia – Kap Eżekuttiv BOV