Il-Bank of Valletta qed iwissi sabiex il-klijenti joqogħdu attenti minn sensiela ta’ scams li qed jiċċirkolaw bħalissa, fosthom permezz ta’ SMSs b’links għal siti foloz, li jsostnu li l-kards tad-debitu jew tal-kreditu tal-klijenti, jew il-password tagħhom, ġew imblukkati u jitolbu lill-vittmi biex jikklikkjaw fuq il-link biex jagħtu dettalji dwar il-kards jew passwords tagħhom.
Scams oħra huma twissijiet dwar tranżazzjonijiet mhux awtorizzati, fejn il-klijenti jintalbu jdaħħlu l-informazzjoni tal-kard tagħhom biex jikkanċellaw dawn it-tranżazzjonijiet.
SMSs oħra jwissu lill-klijenti li l-firma tal-mowbajl tagħhom hija ristretta u jitolbuhom jidħlu f’sit li jidher bħala l-BOV internet banking biex jirrilaxxaw il-firma.
Importanti li wieħed jirrimarka li xi SMSs qed jidhru fl-istess lista ta’ SMSs li joriġinaw b’mod leġittimu mill-BOV, u b’hekk iqarrqu lill-klijenti billi jagħtu l-impressjoni li l-BOV qed jibgħat dan il-messaġġ.
Dan minbarra li qed jintużaw ukoll emails.
Kelliema għall-Bank of Valletta qalu li huma ma jibagħtux SMSs li jkun fihom links għal websajts u b’hekk, il-klijenti qatt m’għandhom jikklikkjaw fuq links li jidhru f’messaġġi SMS, anki jekk dawn jidhru mibgħuta mill-Bank, u qatt m’għandhom jagħtu informazzjoni sensittiva.
Il-Bank qatt ma jitlob numri tal-kont jew tal-kards b’mod sħiħ, dettalji CVV, PIN tal-kards, passwords tal-internet jew tal-mobile banking, kodiċi, firem, jew multi-factor authentication.
Dan filwaqt li l-impjegati tal-Bank qatt mhu se jitolbu lill-klijenti informazzjoni li twassalhom biex iwettqu transazzjonijiet finanzjarji bit-telefon.
Appellaw biex min ikun f’dubju, ikellem lill-Bank immedjatament permezz tan-numru 2131 2020 u b’hekk jagħmlu kuntatt dirett maċ-Ċentru tas-Servizzi tal-Klijent tal-BOV, fejn ikunu jistgħu jivverifikaw dak li jkunu rċivew.