F’Ħadd il-Għid, f’Bormla n-nies ħarġu bi ħġarhom sabiex jiċċelebraw l-akbar festa tal-Knisja Kattolika.
ONE News tkellem man-nies li kienu qed jistennew waħda mill-ġirjiet tradizzjonali bl-istatwa ta’ Kristu Rxoxt.
Bosta kienu ilhom jistennew din il-ġurnata wara nuqqas ta’ sentejn minħabba l-pandemija.
Qalulna kif lil hinn mill-aspett reliġjuż, ikunu qed jistennew din il-ġurnata b’ħerqa biex jiltaqgħu mal-ħbieb antiki.
Oħrajn qalulna kif din is-sena, l-Għid il-Kbir kien iktar mistenni, mhux biss minħabba l-pandemija imma anki wara li t-temp ikrah u r-riħ qawwi ħassar il-purċissjoni tal-Ġimgħa l-Kbira jumejn ilu, f’dik li kellha tkun l-ewwel purċissjoni wara l-pandemija.
In-nies qalu magħna kif din il-festa tkun iċċelebrata flimkien.
Dawn kellmuna wkoll dwar it-tradizzjonijiet tal-akbar festa fil-Knisja Kattolika. Qabel il-gwerra, din il-purċissjoni kienet toħroġ kmieni l-Ħadd, għall-ħabta tal-erbgħa u nofs ta’ filgħodu. B’xhieda ta’ dan huma t-tnax il-fanal li jdawru din il-vara tant devota, hekk kif din kienet toħroġ meta x-xemx tkun għadha qas telgħet.
Hawnhekk stajna ninutaw kif il-festa tal-Irxoxt, minkejja s-sentejn ta’ pandemija, kienet waħda mistennija biex tgħaqqad lin-nies flimkien f’atmosfera ta’ festa Maltija.