Fi spazju ta’ erbgħa u għoxrin siegħa, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista ta’ Bernard Grech fallewlha żewġ spins permezz ta’ stqarrijiet li giddbu l-argumenti tal-Oppożizzjoni.
Wara li bejn il-Ħadd u t-Tnejn, l-Oppożizzjoni penġiet sitwazzjoni li x-xandir nazzjonali jaqbad u jkeċċi l-preżentaturi tal-programmi u kumpanija privata tal-midja ċċarrat li dan mhux minnu, issa kien imiss lit-tliet Imħallfin li kienu fuq il-bord tal-inkjesta dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia li jgiddbu lid-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi.
Jason Azzopardi, li kien wieħed mid-deputati tal-Blue Heroes u viċin l-għaqda Repubblika li tħalla jitkellem fid-dibattitu parlamentari tal-Ġimgħa filgħodu dwar ir-rapport tal-inkjesta, akkuża lill-Gvern li ma ppubblikax ir-rapport sħiħ tal-inkjesta.
Huwa qal, “Gideb, lanqas għandu d-diċenza jkun leali ma’ din il-Kamra u l-poplu u jgħid li r-rapport li ppubblika lbieraħ u li poġġa fuq il-mejda tal-Kamra mhuwiex ir-rapport sħiħ li kellu jkun ippubblikat.”
Madankollu fi stqarrija uffiċjali mibgħuta lill-midja t-Tlieta waranofsinhar, il-Bord tal-Inkjesta ċċara li kien hu li bi żvista naqas li jippubblika tliet paġni u mhux il-Gvern, li permezz tal-uffiċċju tal-Prim Ministru ppubblika r-rapport tal-inkjesta ftit tas-sigħat wara li rċevih.
Il-Bord sostna li milli jidher dawn il-paġni neqsin spiċċaw moħbija bit-titlu li segwew.
Tenna li din kienet biss kwistjoni teknika u ma kinitx intenzjonata.
Il-Bord temm jgħid li se jara li din il-kwistjoni tkun solvuta billi jintbagħtu kopji ġodda lil dawk konċernati.