Il-Bord tal-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, l-ERA, approvat l-assessjar dwar I-impatt ambjentali dwar il-proġett dwar tat-tieni interconnector bejn Malta u Sqallija.
Dan tħabbar fi stqarrija mill-ERA, fejn intqal li dan ġie approvat waqt laqgħa pubblika l-Ġimgħa filgħodu.
F’din il-laqgħa, l-ERA approvat ir-rapport li ddetermina l-impatt ambjentali ta’ dan il-proġett, li tressaq quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar.
F’Ġunju li għadda, ONE News kien irrapporta li dan ir-rapport kien indika li dan it-tieni interconnector mal-Italja huwa neċessarju.
Dan ir-rapport kien sostna li dan il-proġett se jwassal għal tnaqqis fl-emissjonijiet, waqt li jistabbilizza l-grid tal-elettriku biex ikunu jistgħu jsiru proġetti ta’ enerġija rinovabbli fuq il-baħar.
Dan ir-rapport jgħid ukoll li se jkompli jsaħħaħ il-provvista tal-enerġija f’pajjiżna.
F’din l-istqarrija l-ERA qalet li dan jinkludi t-trinek u x-xogħlijiet ta’ installazzjoni, fost oħrajn, bejn il-Magħtab fil-limiti tan-Naxxar ma’ Ragusa fi Sqallija.
Dan il-proġett li mistenni jitlesta sal-2026.
Fl-istqarrija ntqal li l-Bord tal-ERA nnota li dan il-proġett huwa ta’ importanza nazzjonali u m’għandu jħalli l-ebda impatt sinifikanti fuq l-ambjent, jekk ix-xogħlijiet isiru skont il-pjanijiet u l-kundizzjonijiet li ġew issottomessi.
Sadanittant, il-Bord tal-ERA, waqt din il-laqgħa approva wkoll l-assessjar finali tal-faċilitajiet tal-waterpolo f’San Ġiljan. Dan se jinkludi l-kostruzzjoni ta’ pixxina għall-għawm, fost oħrajn.