Il-Bord Elettorali tal-Unjin għall-Għalliema Maltin ħabbar dalgħodu li l-membri tal-Bord irreżenjaw kollha f’daqqa.
Il-bord ħalla nota għall-membri tal-MUT fejn qal li l-membri tal-bord rreżenjaw, dan ifisser li issa twaqqaf il-proċess tal-elezzjoni.
Fin-nota li ħalla għall-membri, kien hemm miktub li l-President Kevin Bonello se jkun qed jagħmel laqgħa urġenti t-Tlieta fejn fl-istess waqt il-kunsill se jkun qed jiddeċiedi jekk għandhomx jiġu appuntati awdituri professjoni biex jieħdu ħsieb l-elezzjoni jew jekk għandiex tissejjaħ laqgħa ġenerali straordinarja.
Il-kandidati waqt din l-elezzjoni qed jikkontestawha l-Viċi President tal-MUT Marco Bonnici u s-Segretarju Ġenerali, Franklin Barbara.
Iż-żewġ kandidati bdew jakkużaw lil xulxin li “hijackjaw” il-proċess elettorali. Il-proċess tal-elezzjoni mistenni jintemm sa tmiem ix-xahar li ġej.