Il-Ministeru għall-Ġustizzja sostna, li b’rabta maż-żewġ każi relatati mal-esebiti tal-Qorti, l-Aġenzija għas-Servizzi tl-Qrati ħadet il-passi neċessarji u qed tikkopera bis-sħiħ mal-Qorti u l-Pulizija.
Din l-istqarrija nħarġet fil-jum meta skont rapporti fil-mija lokali rrapportaw li laptop f’każ pendenti ieħor ma nstabx fil-kamra tal-esebiti fil-Qorti.
Intqal li kif diġà tħabbar mill-Ministru Jonathan Attard fil-Parlament, inħatar ukoll bord amministrattiv biex iwettaq reviżjoni dwar il-kustodja ta’ oġġetti li jkunu ġew esebiti fi proċeduri legali u jagħmel l-eżaminazzjoni kollha meħtieġa.
Ġie spjegat li dan il-bord hu mmexxi mill-Imħallef Emeritus Antonio Mizzi, bl-assistenza ta’ Joseph Bonello u Paul Debattista bħala membri, Valerio Schembri bħala espert u Frank Camilleri bħala segretarju.
Il-Bord Amministrattiv għandu terminu ta’ xahrejn, bil-possibilità ta’ estensjoni waħda ta’ xahar biex jippreżenta r-rapport, li għandu jinkludi rakkomandazzjonijiet ta’ kif għandhom ikomplu jissaħħu l-proċeduri għaż-żamma tal-esebiti b’mod sikur u affidabbli għal sistema ta’ amministrazzjoni tal-ġustizzja effiċjenti u ġusta.
F’din l-istqarrija, il-Ministeru tenna li fl-aħħar xhur, l-Aġenzija kienet bdiet ix-xogħol biex itejjeb il-livell ta’ żamma tal-esebiti u fl-aħħar xhur kien hemm negozjati biex ikun introdott il-labelling tal-esebiti.
Din l-istqarrija temmet tgħid li l-Ministeru jibqa’ impenjat li jsostni l-investiment u jirriforma s-sistemi u l-proċeduri biex ikunu effettivi u aġġornati maż-żminijiet.