“Jekk jirnexxielna nlaqqmu biżżejjed nies bil-booster f’temp relattivament qasir, ma jkollniex bżonn għalfejn immorru għal miżuri estremi.”
Hekk iddeskriva l-importanza tad-doża tal-booster id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt li kien qed ikun intervistat fuq il-programm XTRA fuq l-istazzjon nazzjonali.
Fil-fatt meta kien qed jitkellem dwar is-sitwazzjoni tal-Covid-19 f’pajjiżna bħalissa, id-Deputat Prim Ministru sostna hekk.
“Għandna s-soluzzjoni li hija l-booster. Jiġifieri bil-booster aħna kapaċi jekk jirnexxielna nlaqqmu biżżejjed nies f’temp relattivament qasir li ma jkollniex għalfejn immorru għal miżuri li huma estremi jew li jekk inkunu morna għal miżuri nkunu nistgħu nneħħuhom kemm jista’ jkun malajr.”
Id-Deputat Prim Ministru xejjen ukoll id-dubji li jistgħu jqumu f’dawn iż-żminijiet fil-konfront tal-vaċċin. Dan billi aċċenna għal statistika partikolari fejn fl-istess żmien s-sena li għaddiet kien għad ma kellniex vaċċin għall-Covid-19.
“Bħalissa fl-ITU għandna 5 persuni pożittivi bil-Covid-19. Bħal dan iż-żmien sena meta konna għadna se nibdew nagħtu t-tilqim kellna iktar minn 30 persuna fl-ITU u kellna bejn wieħed u ieħor l-istess nies fil-komunità pożittivi jiġifieri bla dubju l-vaċċin u l-booster jaħdem u jaħdem immens.”
Dwar il-booster ukoll id-Deputat Prim Ministru spjega l-ewwel indikazzjonijiet li qed juri dwar it-tul ta’ żmien tal-immunità li joffri.
“Jidhrilna, imma dwar din iż-żmien għad irid itina parir, imma jidhrilna li l-booster se jservi għal sena. L-ewwel doża serviet għal xahrejn, it-tieni doża serviet għal 4 xhur u x’aktar li l-booster iservi għal sena li jfisser li bħalma nagħmlu bl-influwenza, darba fis-sena nieħdu l-booster.”
Intant id-Deputat Prim Ministru rrimarka l-mira tal-Gvern dwar il-ftuħ tal-iskejjel wara l-btajjel tal-Milied. Tenna kif il-pjan tal-Gvern huwa li jiftaħ l-iskejjel u b’hekk li fil-programm tal-għoti tal-booster huwa ta prijorità wkoll lil ħaddiema li jaħdmu fil-qasam edukattiv.
“Dejjem tajna prijorità l-ewwel nies lis-saħħa imbagħad l-edukazzjoni u konna minn kmieni ngħidu li l-iskejjel iridu jibqgħu miftuħin. Bħalissa fl-Ewropa qed jerġgħu jagħlquhom l-iskejjel u l-Universitajiet f’ħafna pajjiżi. Aħna nixtiequ nżommuhom miftuħin. Issa ovjament ġejjin il-vaganzi tal-Milied jiġifieri għandna dak il-breathing space tal-vaganzi però nixtiequ li wara nerġgħu niftħuhom u għalhekk fil-bidu tajna t-tilqima lit-teachers kollha u l-istaff kollha tal-iskejjel.”