Hekk kif f’pajjiżna nstabu l-ewwel żewġ każijiet magħrufa tal-varjant Omicron, dan il-varjant mistenni jkun il-varjant dominanti fil-gżejjer Maltin fil-ġimgħat li ġejjin, simili għal kif qiegħed jiġri madwar id-dinja.
Waqt it-tħabbira tal-preżenza ta’ dan il-varjant, il-virologu Chris Barbara spjega kif huwa normali li virus ikollu mutazzjonijiet waqt li jkun qed jiġi trażmess, iżda fil-każ tal-Omicron, dan għandu mal-ħamsin mutazzjoni.
Huwa spjega li l-mutazzjonijiet jistgħu ivarjaw il-faċilità li biha l-virus jiġi trażmess u s-severità tas-sintomi.
Minn dawn l-aspetti, l-Omicron jiġi trażmess b’mod faċli ħafna, iżda m’huwiex sever fuq persuni mlaqqma.
Minkejja dan, Dr Barbara sostna li hemm ukoll it-tielet fattur.
Tenna, “It-tielet waħda li hija importanti li nifmu huwa li dan jista’ jaħrab l-immunità ta’ dak li jkun.”
Chris Barbara kompla jispjega kif minkejja dan, xorta waħda hemm protezzjoni kontra l-varjant għal min hu mlaqqam, partikolarment bil-booster.
Barbara saħaq, “Qed naraw aħbarjiet sbieħ li qed jgħidu li dawk in-nies li qed jieħdu t-tielet doża tal-vaċċin, dan barra li jipproduċi l-antibodies, li aħna ngħidulhom is-suldati fid-demm, hemm tip t’imunità oħra li ngħidulhom T-cell immunity, qishom it-tankijiet fil-gwerra, li bit-tielet doża qed tipproduċi ħafna T-cell immunity wkoll.”