L-operat tal-aġenziji tal-ivvjaġġar reġa’ qam fuq saqajh u jinsab viċin ħafna li jilħaq il-livelli ta’ qabel il-pandemija.
Hekk stqarrew magħna Lourdes Zammit u Jesmond Vassallo, rappreżentanti ta’ żewġ aġenziji tal-ivvjaġġar f’pajjiżna.
Qalet, “Bħala bookings nista’ ngħid li ċertament erġajna qbadna fuq saqajna. Għamilna sentejn ma kinux faċli, kellna ħafna cancellations u nies jitolbu r-refunds, imma fortunatament issa erġajna ġejjin back to normal u l-bookings telgħin sew.”
Qal, “Mexjin tajjeb. Il-Maltin iħobbu jsiefru. Hija xi ħaġa li daħlet fil-kalendarju tagħna li mill-inqas darba f’sena rridu mmorru xi mkien. Wara kollox, wara sena ħidma jkun ħaqqna, u x-xogħol qabad, qiegħed tajjeb u naħseb li s-sena d-dieħla nerġgħu nkunu back to normal.”
Jesmond Vassallo qal ukoll li tant kemm sejrin tajjeb bil-bookings, li ħafna nies qed joħorġu diżappuntanti jekk iħallu għall-aħħar.
Fattur li seta’ wassal biex il-bookings saru aktar tard mis-soltu, huwa dak li l-fuljetti bid-dettalji tal-ġiti ħarġu aktar tard mis-soltu minħabba l-inċertezza tal-pandemija.
Qal, “Dis-sena, minħabba li s-sitwazzjoni ma kinitx stabbli, ħarġu iżjed tard mis-soltu, jiġifieri jekk ħarġu xahrejn tard, mela n-nies bdew jibbukkjaw xahrejn iżjed tard. Li nista’ ngħid, li immedjatament malli l-brochures ħarġu tas-sajf, in-nies bdew jibbukkjaw mill-ewwel.”
Min-naħa l-oħra, Lourdes irrimarkat li minkejja li wara sentejn ta’ inċertezza minħabba l-pandemija, in-nies għandhom għatx kbir għas-safar, hemm dawk li xorta jaħsbuha darbtejn minħabba l-kunflitti fl-Ewropa u jħallu għall-aħħar biex jibbukkjaw.
Qalet, “Minn meta bdiet din il-kwistjoni tal-gwerra bejn l-Ukrajna u r-Russja, in-nies reġgħu qishom bdew jgħidu, “tgħid insiefru? Tgħid le?”. Allura dak li jkun jaħtaf l-opportunità qiegħed u jmur fil-perjodu qrib.”
Hija qalet li n-numri kbar ta’ nies li, kuljum, qed jinġabru quddiem l-uffiċini tal-Identity Malta biex iġeddu l-passaporti tagħhom, jixhdu l-interess kbir tal-Maltin biex isiefru.
U filwaqt li destinazzjonijiet bħall-Italja, il-Ġermanja, u Franza, jibqgħu fost l-aktar popolari, il-Maltin ifittxu ħafna wkoll il-kruċieri.
Qalet, “Meta qed nitkellmu fuq cruises, il-Maltin iħobbu ħafna jfittxu l-Malta to Malta. Dan għaliex, ovvjament, meta jkollok vapur se jitlaq minn Malta, dak li jkun, anki min ikollu t-tfal, ma joqgħodx jaħseb il-ġenn tal-flights u kollox.”
Kull min jaħdem fis-settur jinsab ottimist bl-irkupru li sar, minkejja li ħafna huma mħassba bil-fatt li ħafna linji tal-ajru madwar id-dinja qed iħassru t-titjiriet, xi kultant anki fl-aħħar minuta.
Qal, “Fortunatament, minn Malta mhix daqshekk qawwija daqs postijiet oħra. L-affarijiet narawhom fl-aħbarijiet, ċerti airports kważi tibża’ tħares lejhom imma fortunatament, hawn Malta, l-airport tagħna jidher li għadu għaddej. Jien inkun hemm il-ħin kollu, tiela’ u nieżel għax ikollna x-xogħol, proset, għadna għaddejjin tajjeb.”