Fl-aħħar jiem numru kbir ta’ anzjani marru għand il-banek ewlenin u istituzzjonijiet finanzjarji oħra biex jiċċekkjaw dwar is-62+, il-bonds tal-gvern maħsuba speċifikament għall-anzjani li jiftħu għada.
Saħansitra, tista’ tikkonferma din il-gazzetta, ilbieraħ kien hemm banek li ħassru appuntamenti skedati ma’ klijenti biex ilaħħqu mad-domanda għal appuntamenti minn anzjani li riedu jiksbu tagħrif dwar dawn il-bonds. Saħansitra kien hemm bosta anzjani li marru l-banek mingħajr appuntament biex jiksbu t-tagħrif.
Fil-fatt, dawn il-bonds jistgħu japplikaw għalihom persuni li twieldu matul is-sena 1955 jew qabel.
Dan se jkollu rata ta’ imgħax vantaġġjuża ta’ 3%, liema rata hija kważi d-doppju tar-rati ta’ imgħax li qegħdin joffru l-banek kummerċjali fil-preżent. L-imgħax ta’ dan il-bond jitħallas kull sitt xhur.
Analisti finanzjarji spjegaw mal-gazzetta KullĦadd li dan l-interess wera kemm kienet f’lokha l-wegħda tal-baġit biex isiru dawn il-bonds.
Fl-aħħar jiem il-Ministru għall-Finanzi, il-Professur Edward Scicluna, qal li l-Gvern iddeċieda li jniedi dan il-bond għax jinsab konxju mit-tnaqqis drastiku fid-dħul addizzjonali li l-pensjonanti kien qiegħed ikollhom fid-dawl tat-tnaqqis tar-rati ta’ interess li depożiti fissi mal-banek kummerċjali kellhom fl-aħħar snin. Fil-fatt kien għalhekk li fil-baġit għal din is-sena l-Gvern kien ħabbar miżura li permezz tagħha jinħareġ il-bond b’rata ta’ imgħax ferm aħjar minn dik tas-suq immirat biss għall-pensjonanti biex b’hekk itejbu d-dħul tagħhom.
Biex seta’ jsir dan, kellha tinbidel il-Liġi dwar il-Bills tat-Teżor ta’ Malta, liema liġi għaddiet mill-Parlament reċentement.
Dawk eliġibbli se jkunu jistgħu jinvestu mhux inqas minn €500 u mhux iżjed minn €10,000. L-imgħax jitħallas darbtejn fis-sena, darba kull sitt xhur, kull 13 ta’ Marzu u kull 13 ta’ Settembru. L-imgħaxijiet jiġu mgħoddija f’kont fil-bank li jkun għażel l-individwu. L-imgħaxijiet huma taxxabbli u l-bond huwa għal ħames snin, jimmatura fit-13 ta’ Settembru, 2022, meta allura jingħata lura l-ammont li jkun inħareġ oriġinarjament. Il-bond ma jistax jiġi nnegozjat, lanqas ma jista’ jingħadda lil ħaddieħor u lanqas ma jista’ jintuża biex iservi ta’ xi forma ta’ garanzija.
Il-bonds jistgħu jinxtraw mill-banek u mill-istituzzjonijiet finanzjarji u intermedjarji awtorizzati. Lista ta’ dawn kollha hija provduta fuq il-website tat-Teżor www.treasury.gov.mt.