Għal żmien il-Ġimgħa l-Kbira Mqaddsa, il-Kumpanija Teatrali Aniċi bi pjaċir tħabbar id-dramm bl-isem: ‘Il Bogħod mill-Golgota. Id-dramm ġie miktub minn Fr. H.Born, b’arranġament ta’ Elliot Micallef u b’direzzjoni ta’ George Agius. Il-preparamenti bħall-vestwarju u kostumi, ġew maħduma u ddisinnjati minn Shaun Formosa u Georgette Micallef. Id-disinn tas-sett tal-palk jinsab iffinalizzat.
Il-Kumpanija Teatrali Aniċi, li twaqqfet fl-1936, minn dejjem tellgħet produzzjonijiet ta’ livell għoli. Saħansitra kienet il-mekka fejn rawmet numru t’ atturi ġodda u li dawn ħafna minnhom saru magħrufa fil-palk Malti. Għalkemm l-istess kumpanija tmur lura għal bosta snin, xorta żammet l-awtentiċita’ tagħha billi addattat matul iż-żmenijet.
Dan id-dramm imsemmi mhuwiex it-tip kif aħna mdorrijin naraw f’ħafna mid-drammi li jittellgħu fiż-żmenijiet tal- Ġimgħa l-Kbira Mqaddsa, minħabba l-fatt li jieħu lill-udjenza lil hinn mill-istorja tal-passjoni ta’ Ġesu’ Kristu. Naraw l-istorja minn perspettiva oħra fejn tiffoka iżjed fuq il-karattri l-oħra li sawru din l-istorja u li kienu parti mill-ħajja ta’ Sidna Ġesu’ Kristu.
Jekk inti għandek għal qalbek dan iż-żmien tal-Ġimgħa Mqaddsa u tixtieq tara rappreżentazzjoni originali imma fl-istess ħin hija leali lejn il-fatti storiċi tal- ġrajja, aħseb kmieni għall-biljetti biex ma tkunx diżappuntat. Id-dramm se jittella’ nhar is-Sibt 13 t’April fis-7:30 ta’ filgħaxija u nhar il-Ħadd 14 ta’ April fil-5:00 ta’ filgħaxija ġewwa s-Sala Dun Edgar, Oratorju Qalb Bla Tebgħa ta’ Marija, L-Imġarr. Tista’ ċċempel fuq 99498012 jew 99842497. Tista’ wkoll ssegwi l-paġna tal-Kumpanija Teatrali Aniċi fuq facebook.