Fl-ewwel sena li ġew introdotti l-bodycams fuq l-uffiċjali tal-Pulizija, lura fl-elfejn u wieħed u għoxrin, kien irreġistrat tnaqqis ta’ ħamsa u tletin fil-mija fil-vjolenza fuq il-Pulizija. Din l-istess ċifra baqgħet kostanti sena wara l-oħra, riflessjoni tal-impatt li ħalliet din it-teknoloġija fuq il-protezzjoni tal-Pulizija.
Qal dan il-Kummissarju tal-Pulizija, Angelo Gafà, f’intervista ma’ ONE News, fejn tkellem fuq l-investiment li qed jagħmel il-Korp fit-teknoloġija, li mistenni jkompli jissaħħaħ tul is-sena l-ġdida, hekk kif kull ma jmur, il-kriminalità online qed tiżdied.
Dwar il-bodycams semma kif minkejja x-xettiċiżmu ta’ wħud, illum qed jirriżultaw utli fil-ħidma u l-operazzjonijiet tal-Pulizija.
Hawnhekk semma bħala eżempju, każijiet ta’ vjolenza domestika.
“Immaġina x’impatt ikollu l-footage meta l-first responders officers tagħna jmorru fuq sejħa u jsibu l-vittma, jew vittmi għax jista’ jkollok per eżempju tfal imwerwrin, li dan kollu trid tispjegah fil-proċeduri kriminali. Altru qed tispjegah u altru lill-ġudikant qed tgħaddilu filmat li qiegħed konkretament jispjega dak li tkun qed tixhed.”
Il-Kummissarju semma d-diversi taqsimiet speċjalizzati fil-Korp li twaqqfu fl-aħħar snin biex jiġġieldu dawn it-tip ta’ reati, fosthom il-Blockchain Analaysis Unit.
Hawnhekk semma l-investiment f’teknoloġiji diversi li janalizzaw dawn it-tip ta’ reati, imma anki fir-riżors uman biex iħaddimhom, tant li fl-aħħar snin, il-Korp ma ngaġġax biss uffiċjali, imma anki nies ċivili li jixtiequ jagħtu kontribut imma ma jridux ikunu Pulizija.
“Verament sibna nies kapaċi u professjonali li kapaċi jħaddmu din it-teknoloġija li jgħinuna fl-analiżi tar-reati biex imbagħad, ir-riżorsi li għandna, nassenjawhom skont il-ħtieġa – targeted policing.”
Konxju mill-qalba diġitali li qed tiddomina lid-dinja, il-Korp qed jibdel ħafna proċessi li tradizzjonalment kienu jsiru manwalment u issa qed isiru b’mod diġitali.
“Fejn tradizzjonalment kont twaqqaf vettura fit-triq waqt roadcheck per eżempju, u trid toqgħod iċċempel il-Control Room biex tara ir-registration number lil min jgħajjat, id-dettalji tal-persuna, jekk hux wanted il-persuna, x’armi għandu rreġistrati fuqu, illum il-ġurnata dan kollu ma jagħmlux il-Pulizija għaliex huwa assenjat tablet li jkollu fih din l-informazzjoni kollha, u kellna diversi każijiet fejn inwaqqfu persuna per eżempju u nirrealizzaw li huwa wanted u qabel ma kellnix dan l-aċċess.”
Dan l-investiment mistenni jissokta tul is-sena l-ġdida, anki fil-kuntest li għall-ewwel darba fl-2024, il-budget għall-Korp tal-Pulizija se jaqbeż il-mitt miljun ewro.