Żmien il-Milied huwa ġenna tal-art għat-tfal.
Minkejja sena oħra ta’ sfidi minħabba l-pandemija tal-Covid-19, l-imħabba u l-istennija tat-tfal għar-rigali tal-Milied ma nbidlitx.
Ta’ kull sena, it-tfal ikunu qed jistennew lil Santa Klaws b’xi ġugarell talli jkunu obdew u qagħdu bravi matul is-sena.
Ir-rigali u x-xejriet jinbidlu mal-medda taż-żmien, imma l-ġugarelli jibqgħu popolari mat-tfal.
ONE News żar ħanut tal-ġugarelli f’Ħal Qormi, fejn is-sid qalilna li d-domanda għall-ġugarelli mit-tfal baqgħet b’saħħitha, b’mod speċjali għall-board games, li kienu l-aktar popolari din is-sena.
Mamo tenna, “Din is-sena l-iktar rigali li nxtraw kienu board games ifhem it-toys normali tbiegħ, imma l-board games l-iktar items li sar bejgħ tagħhom.”
Raymond interpreta l-bejgħ tal-board games bħala riżultat tal-pandemija, li minkejja l-isfidi li ġabet magħha, ġabet ukoll aspett pożittiv li ħafna familji qed ifittxu li jqattgħu ħin ta’ kwalità flimkien.
Qal, “Bħala board games in-nies ħasbu biex joqogħdu iktar lejn id-dar u jkollhom logħob biex jgħaddu ż-żmien flimkien. ”
B’sodisfazzjon tenna kif din is-sena, il-ħanut reġa’ qam fuq saqajh minn wara l-pandemija għaliex il-bejgħ kien kważi d-doppju meta mqabbel mas-sena li għaddiet.
Huwa stqarr, “Le ħafna, id-doppju tas-sena l-oħra bħala bejgħ kollox mar aħjar mis-sena l-oħra jiġifieri l-pandemija laqtitna ħafna.”