Il-BNF Bank ħabbar rendiment finanzjarju b’saħħtu għas-sena 2022, billi rreġistra profitt qabel it-taxxa ta’ €12.2 miljun.
Dan ifisser żieda ta’ 35 fil-mija fuq is-sena 2021.
Din iż-żieda kienet dovuta prinċipalment għal żieda fl-introjtu nett mill-interessit, ta’ kważi sitta u għoxrin miljun ewro (€26m), riżultat ta’ tkabbir fis-self u avvanzi li l-Bank għamel lill-klijenti.
Fattur ieħor kien id-dħul nett mill-imposti u mill-kummissjonijiet.
Matul l-2022, il-Bank naqqas il-proviżjon għal telf mistenni mill-kreditu permezz ta’ titjib fil-kwalità tal-assi, filwaqt li żied il-proporzjon tal-Adegwatezza Kapitali tal-Bank.
Fid-dawl ta’ dawn ir-riżultati, il-Bord tad-Diretturi ppropna ħlas nett ta’ €0.041 fuq kull sehem.
Il-Kap tal-Finanzi, Mark Micallef, qal li dan ir-rendiment b’saħħtu tal-Bank kien dovut għal tkabbir sinifikanti fl-assi kif ukoll teħid ta’ riskji b’kawtela u ppjanar għaqli tal-kapital.
Huwa qal li dawn ir-riżulati jixhdu l-isforzi, l-ambizzjoni u l-impenn tat-tim li jagħti servizz eċċellenti, flimkien mal-antiċipazzjoni u l-għarfien kummerċjali tal-management f’xenarji li jafu jkunu ta’ sfida