Fil-jum magħruf bħala Black Friday, madwar id-dinja bosta japprofittaw ruħhom mill-prezzijiet imraħħsa li joffru l-ħwienet.
It-tradizzjoni tal-Black Friday oriġinat fl-Istati Uniti, l-għada tal-jum imsejjjaħ bħala ‘Thanksgiving’, u kompliet jinfirex madwar l-Ewropa. Kulma jmur, din qed isir aktar popolari fostna l-Maltin u aktar milli fuq ġurnata waħda, tkun mifruxa fuq weekend sħiħ.
Staqsejna lil uħud minn dawk li ġew fil-ħwienet minn kmieni dwar jekk dan huwiex jum li jkunu qed jistennew. Bosta wieġbu iva imma oħrajn qalu li ma joqogħdux jistennew li tiġi l-ġurnata tal-Black Friday biex jaqbdu u jixtru xi ħaġa li jkollhom bżonn.
Dwar jekk jippreferux jixtru onlajn jew iduru fil-ħwienet, sibna opinjonijiet differenti. Kien hemm min qal li jixri kemm mill-ħwienet kif ukoll minn fuq l-internet, filwaqt li oħrajn aktar iħobbu iduru fil-ħwienet.
Intant, ftit ilu, il-Kamra għan-Negozji Żgħar u Medji nediet pjattaforma ġdida online li tiġbor firxa wiesa’ ta’ negozji lokali f’post wieħed li bdew joffru l-iskontijiet marbuta ma’ din il-ġurnata.
Dan is-sit elettroniku, blackfridaymalta.eu, qed jirkeb fuq il-fatt li matul il-pandemija ħafna aktar nies saru jħobbu jixtru onlajn. Dan is-sit diġà qed jagħti viżibilità lil mitejn kumpanija u negozju fis-suq lokali, u dawk li jixtiequ jżidu s-servizzi u l-iskontijiet tagħhom jistgħu joħolqu profil minn fuq il-pjattaforma stess.