Il-biża’ li l-Olimpjadi li qed jittellgħu fil-Ġappun iwasslu f’żieda fil-każijiet ta’ COVID-19, xi varjant ġdid jew pressjoni fuq is-sistema tas-saħħa fil-pajjiż, tidher li ma mmaterjalizzatx hekk kif il-Logħob Olimpiku wasal kważi fi tmiemu.
Hu stmat li aktar minn 50,000 persuna attendew l-Olimpjadi, li huwa possibiliment l-akbar esperiment globali ta’ amont ta’ nies f’daqqa mindu faqqgħet il-pandemija. Issa l-organizzaturi u xjentisti qalu li kollox jindika li l-miżuri li ttieħdu ħadmu.
Mill-ewwel ta’ Lulju sal-lum, minn 600,000 test li saru ġew irreġistrati 404 infezzjonijiet, li jfisser rata ta’ infezzjoni ta’ 0.02%. Il-ftit każijiet f’hekk imsejħa ‘bubble’ tal-Olimpjadi kienu kkontrollati.
In-numru baxx ta’ infezzjonijiet kien grazzi għall-fatt li 70% ta’ dawk li attendew l-Olimpjadi kienu mlaqqma kontra l-virus, filwaqt li sar ittestjar kuljum u anke nżammet id-distanza soċjali.
Madanakollu, mhux l-istess jista’ jingħad għas-sitwazzjoni barra l-Olimpjadi f’Tokjo, hekk kif kawża tal-varjant Delta, f’Tokjo biss ġew irraportati aktar minn 5,000 każ f’ġurnata waħda.