Il-Gvern se jiddiskuti mal-imsieħba soċjali dwar il-possibbiltà ta’ emendi fil-liġijiet dwar l-Impjiegi biex jabbozza qafas leġislattiv li jaħseb għall-ħtiġijiet tal-impjiegi tal-lum u ta’ għada.
Qal dan il-Ministru Carmelo Abela waqt li kien qed jieħu sehem f’webinar organizzat mill-Kamra għall-Intrapriżi Żgħar u Medji dwar il-kundizzjonijiet tax-xogħol u r-regolamenti waqt l-imxija tal-COVID-19.
Il-Ministru Carmelo Abela appella lil kull min iħaddem sabiex jifhmu aħjar is-sitwazzjoni, itaffu l-biżgħat u jsibu soluzzjonijiet alternattivi fejn meħtieġ.
“Importanti li ħadd ma jieħu l-liġi b’idejh la min iħaddem u lanqas il-ħaddiema, li naħdmu flimkien, inżommu komunikazzjoni għaddejja anke bejn min iħaddem u l-ħaddiema tagħhom però wkoll mad-Dipartiment li jirregola x-xogħol. Importanti li naħdmu flimkien għax huwa żmien diffiċli għal kulħadd, qatt m’għaddejna bħalu allura l-affarijiet jinbidlu minn ħin għall-ieħor skont iċ-ċirkostanzi li għaddejjin minnhom pero jekk naħdmu flimkien noħorġu minna fl-iqsar żmien possibbli u noħorġu aħjar.”
Il-Ministru Abela qal li l-biża’ mhix raġuni legalment valida sabiex dawk l-impjegati f’postijiet tax-xogħol li qed jerġgħu jinfetħu ma jmorrux għax-xogħol, iżda enfasizza li min iħaddem huwa obbligat li jipprovdi l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol.
Il-Ministru kkonferma li l-Gvern se jkompli jipprovdi għajnuna finanzjarja, filwaqt li appella lil dawk kollha li jħaddmu biex jagħmlu sforz u jagħtu l-minimu tal-€400 miżjuda mat-€800 li qed jagħti l-Gvern kif miftiehem bejn l-imsieħba soċjali.
Min-naħa tagħha id-Direttur Ġenerali tad-Dipartiment tar-Relazzjonijiet Industrijali u l-Impjiegi Diane Vella Muscat qalet li kull permess mogħti għal tnaqqis temporanju fil-kundizzjonijiet tax-xogħol, għandu jkun ta’ erba’ ġimgħat u wara dan il-perjodu għandha tintalab ir-reviżjoni tiegħu.
Hija appellat lil min iħaddem biex juża il-Helpline 1576, fejn spetturi mħarrġa jkunu jistgħu jgħinu u jmexxu lil min iħaddem matul il-proċess kollu.
Il-President tal-Kamra tal-Intrapriżi Żgħar u Medji Paul Abela irringrazzja lill-Ministru Abela tal-ħidma kbira li saret mill-ministeru u lid-Direttur Ġenerali Vella Muscat u lid-Dipartiment talli qed iwieġbu l-mistoqsijiet ta’ min iħaddem u jindirizzaw it-talbiet u l-approvazzjonijiet.