F’inqas minn tliet sigħat t’attività b’differenza tal-Halloween li saret f’Birżebbuġa, inġabru ’l fuq minn ħamsin xirja b’ikel varjat u sustanzjuż għal persuni fil-bżonn.
L-attività saret b’kollaborazzjoni bejn il-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa, l-għaqdiet soċjali tal-lokal u l-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali, li flimkien, minflok ħelu, ġabru ikel għal nies inqas ixxurtjati. Dawn se jitqassmu minn rappreżentanti tal-FSWS fil-jiem li ġejjin.
Is-Sindku ta’ Birżebbuġa, Scott Camilleri saħaq li inizjattivi bħal dawn, iqajmu kuxjenza fuq ir-realtajiet xejn sbieħ li wħud minna jgħixu fihom, fl-istess waqt li jgħinu lil min hu fil-bżonn.
“Dawn il-ħamsin xirja ser imorru b’risq persuni vulnerabbli u fil-bżonn fil-komunità tagħna. Dawn l-inizjattivi verament ikunu qed juru l-qalb soċjali ta’ dan il-Kunsill u l-qalb li tħabbat ta’ din il-komunità.”
Il-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa huwa sinonimu mal-qalb soċjali tiegħu.
Fil-fatt, matul is-sena, il-Kunsill Lokali joffri s-sala tal-komunità fil-binja tal-kunsill stess biex rappreżentanti tal-FSWS iqassmu ikel għal min hu fil-bżonn.
Il-Viċi Sindku ta’ Birżebbuġa, Josette Busuttil appellat lil nies fil-bżonn biex ma jibżgħux ifittxu l-għajnuna.
“Bħala Kunsill Lokali ħadna din l-inizjattiva minħabba li l-Kunsill tagħna ta’ Birżebbuġa għandu għal qalbu wkoll il-qasam soċjali. Il-qasam soċjali li kull nhar ta’ Erbgħa hawnhekk f’Birżebbuġa jkollna persuna mill-FSWS u tgħin lil nies vulnerabbli u dawk li għaddejjin minn mumenti mhux tajbin ħafna.”
Il-Kunsill Lokali ta’ Birżebbuġa appella lil Kunsilli oħra biex jagħmlu inizjattivi simili, speċjalment biex jiġu mgħejjuna nies li, forsi jkunu fil-bżonn imma jibżgħu jew jistħu jitolbu għall-għajnuna.