Il-Birgu rebħu r-regatta tradizzjonali ta’ Jum il-Vitorja għat-tielet darba fl-istorja tagħhom. Dan hekk kif ġew l-ewwel f’Kategorija A, b’total ta’ 62 punt.
Wara fit-tieni post ġew l-Isla b’total ta’ 60 punt u fit-tielet post ġew Bormla, b’total ta’ 42 punt.
Dan filwaqt li Kategorija B intrebħet minn Bormla, hekk kif ġabu total ta’ 48 punt. Fit-tieni post ġew il-Kalkara b’total ta’ 44 punt u fit-tielet post Marsamxett ġew b’total ta’ 40 punt.
It-tellieqa tan-nisa ntrebħet ukoll mid-distrett tal-Birgu.
F’din ir-regatta ħadu sehem tmien distretti li huma l-Birgu, l-Isla, Bormla, il-Kalkara, Marsamxett, Birżebbuġa, il-Marsa u s-Siġġiewi.
Fost il-briju li kien hemm meta tħabbar ir-rebħ tax-shield lill-Birgu, ħadna l-ewwel kummenti lil Gerard Ellul, fejn qalilna xi tfisser għalihom din ir-rebħa. Qal kif din ir-rebħa, wara erbgħin sena jieħdu s-shield weħidhom, u anke qasmuha ma’ Bormla s-sena l-oħra, il-qaddiefa ħadmu ħafna u baqgħu jemmnu sal-aħħar mumenti.
“Għalkemm is-sena l-oħra nofs bin-nofs kull wieħed ma’ Bormla, pero’ li tirbaħ waħdek hija xi ħaġa inkredibbli u qed nimmaġina li se mmorru hemm issa u kif nidħlu hemmhekk naraw in-nies kollha tal-Birgu jilqgħuna. Ferħanin żgur daqsna jekk mhux aktar minna. Ħadmu hemm ħafna nies li ħallejna warajna u baqgħu jaħdmu sal-aħħar tiġrija, jvaraw u jiġbdu d-dgħajes u din ir-rebħa niddedikawha għal dawk kollha li b’xi mod għenu fil-preparamenti u fit-tmexxija tal-club, speċjalment Disma Attard, il-President tagħna, illi mingħajru naħseb illi dan huwa l-mument li żgur bih ma konniex ingawduhom.”
Gerard Ellul