L-għaqda BirdLife kritikat lill-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech fl-għażliet li għamel fix-Shadow Cabinet.
BirdLife Malta qalet li żewġ deputati favur l-ambjent tilfu l-portafolli li kellhom, fosthom fuq l-ambjent.
Dan b’referenza ċara li David Thake tneħħielu l-portafoll tal-ambjent u t-tibdil fil-klima u minflok dan ingħata lil Robert Cutajar.
L-għaqda BirdLife qalet li imbagħad l-ewwel laqgħa li kellu Bernard Grech wara li neħħa żewġ deputati favur l-ambjent, kien li mar jiltaqa’ mal-Federazzjoni Kaċċaturi u Konservazzjonisti, l-FKNK.
Il-BirdLife qalet li m’hemm xejn ħażin b’daqshekk, anki jekk Bernard Grech qed iġibha fit-tul biex jiltaqa’ ma’ għaqdiet mhux governattivi oħra favur l-ambjent, fosthom anki l-għaqda BirdLife nnifisha.