F’konferenza tal-aħbarijiet il-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba konservazzjonisti, l-FKNK, indirizzata fosthom mill-President tagħha Lucas Micallef, intqal li l-Bird Life Malta qegħda sfaċċatament tisfida l-liġi u lill-awtoritajiet Maltin, bil-għan li tipperikola l-pożizzjoni tal-Gvern Malti dwar ir-riċerka fuq l-għasafar tal-għana.
Qal, “Dawn qed juru aktar biċ-ċar li ma jridux jikkoperaw mal-ebda individwu bħala bird ringers li huma wkoll akkreditati u liċenzjati mal-istess skema internazzjonali li tirrappreżenta Bird life Malta u hawnhekk nistaqsu jekk l-interess veru ta’ BLM huwiex ir-riċerka dwar l-għasafar.”
L-FKNK qalet li dan in-nuqqas ta’ koperazzjoni ta’ BirdLife ma’ espert internazzjonali miġjub mill-awtoritajiet Maltin hija xhieda tal-ħtieġa li tinbidel il-liġi dwar ir-riċerka fuq l-għasafar tal-passa, kif wara kollox diġa’ ntalab mill-Ombudsman u kien hemm qbil mill-Kumitat Ornis.
BirdLife Malta qegħda tagħżel li ma tikkoperax ma’ riċekatur internazzjonali li nġib mill-awtoritajiet Maltin u li hija obbligata li tirrikonoxxi bħala tali u għaldaqstant tikkopera miegħu, għaliex sal-lum il-liġi dwar ir-riċerka tal-għasafar bil-metodu magħruf bħala ‘bird ringing’ tgħajjat lilha.
Intqal kif BirdLife Malta għandha tieqaf taħseb li hi ‘l fuq mill-awtoritajiet jew mill-istat Malti. Dan pajjiż li jħaddem is-saltna tad-dritt u f’saltna tad-dritt tikkopera mal-awtoritajiet meta dak li qiegħed isir qed isir proprju biex Malta tkun konformi anke ma’ liġijiet Ewropej. Din it-tip ta’ arroganza hija maħsuba biex tfixkel il-pożizzjoni ta’ Malta tenniet l-FKNK.
Qal, “L-FKNK se tibqa’ taħdem bis-sħiħ biex dan il-monopolju jispiċċa darba u għal dejjem u f’pajjiż bħal tagħna fejn kull individwu għandu dritt ikun parti minn citizens science propju nneħħu dan l-element li ma jeżisti mkien f’pajjiż ieħor u nkompli nimxu ‘l quddiem biex ir-riċerka tkun waħda b’saħħitha.”