Fuq Facebook, il-Kap Eżekuttiv tal-BirdLife, Mark Sultana, ħareġ jattakka l-ispettakli tal-logħob tan-nar u staqsa kif hemm min qed jieħu tant pjaċir b’dawk li sejħilhom “splużjonijiet ta’ murtali”.
Sultana staqsa wkoll jekk dawk li qed jieħdu tant pjaċir hux se jkollhom “ħajjitkom tmur tant lura?”, kemm-il darba tieqaf dik li rrefera għaliha bħala esaġerazzjoni ta’ murtali.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Birdlife temm jirreferi għal Malta bħala “pajjiż tad-dardir”.
Dwar dan l-istess attakk minn Sultana rreaġixxa wkoll il-President tal-Federazzjoni Kaċċaturi Nassaba Konservazzjonisti (FKNK), Lucas Micallef, fejn fuq Facebook ukoll tenna li dak li kien ingħad fi żmien ir-referendum tal-kaċċa fir-rebbiegħa fl-2015 kien kollu minnu.
Hu kien qed jirreferi għal dak li kien jingħad dak iż-żmien mill-istess Birdlife u min jasal jeqred delizzju ta’ ħaddieħor, mhux se jiddardar idur għal delizzji ta’ oħrajn, inkluż ta’ minoranzi.
Micallef qal li l-istess nies, li vvintaw referendum biex jivvendikaw ruħhom mill-kaċċaturi, ma ddejqu xejn jattakkaw delizzji oħrajn bħas-sajd, il-logħob tan-nar, id-dilettanti tal-karozzi u anke l-Karnival.
Hu kkonkluda bl-istess aġġettiv ta’ Sultana dwar Malta u qal li, fil-verità, hi din l-attitudni li hi tad-dardir u mhux il-pajjiż li ngħixu fih flimkien.