Il-Gvern se jkun qed iżomm mal-wegħda tiegħu, li qabel li l-Belt tkun il-Kapitali Ewropea tal-Kultura, il-Kunsill tal-Belt ikollu post ċentrali minn fejn jopera. Dan hekk kif sal-aħħar tal-2017, il-Kunsill Lokali se jibda jopera mill-binja li kienet il-Cafè Premier. Kunsill li għall-ewwel darba se jkun wieħed aċċessibbli għal persuni b’diżabilità.
Il-Ministru għall-Ġustizzja u Kultura, Owen Bonnici, qal li ladarba l-Kunsill jibda jużà din il-binja se jkun qed jitkompla x-xogħol fuq parti oħra tal-binja li se tkun qed tinbidel f’berġa tas-saħħa u ċentru ta’ matul il-jum għall-anzjani sal-2018.
F’għeluq il-100 jum ta’ gvern, il-Ministru Bonnici faħħar il-ħidma li qed issir mid-Dipartiment tar-Restawr u fakkar li għaddej xogħol ukoll f’14-il sit ieħor fil-Belt Valletta.