Fl-aħħar ġranet sar magħruf li l-binja tal-eks Skola Dun Ġwann Mamo f’Albert Town, fil-limiti tal-Marsa, mhux se tibqa’ tintuża bħala ċentru li fih jiġu akkomodati l-immigranti.
Fl-aħħar xhur beda wkoll xogħol fuq din il-binja biex tibda tintuża għal skopijiet amministrattivi u ssir parti mill-pjani ta’ riġenerazzjoni fiż-żona.
Fi stqarrija, intqal kif il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol għandu l-ħsieb li l-faċilitajiet sportivi u spazji oħrajn fuq l-istess sit jintużaw mill-komunità tal-Marsa u jiġu amministrati mill-Kunsill Lokali tal-Marsa. Dan se jseħħ wara li fl-aħħar xhur il-Kunsill Lokali ngħata aċċess għal dan il-post u beda jorganizza attivitajiet fih.
Il-Ministru responsabbli Byron Camilleri nnota kif b’din il-ħidma twettqet miżura oħra tal-manifest elettorali ‘Malta Flimkien’.
“Dak li wegħdna fil-manifest elettorali qed inwettquh, din l-iskola fil-Marsa li, għal ħafna snin, serviet ta’ ċentru ta’ akkomodazzjoni għall-immigranti, issa m’għadux isir hekk u anke fiż-żmien li ġej se tibda titgawda mir-residenti u mit-tfal tal-komunità tal-Marsa u tal-madwar.”
Il-Ministru Byron Camilleri
Il-Kap Eżekuttiv tal-AWAS, Clayton Xuereb, spjega x’se jsir fil-binja fil-ġejjieni.
“U issa hemmhekk ħa tinqasam f’parti amministrattiva fejn ħa jkun hemm uffiċini għall-professjonisti tagħna, fosthom il-psikologi, councillors u social workers. Hawnhekk ukoll ħa nkunu qed nilqgħu delegazzjonijiet fejn se nkomplu niddiskutu dan is-settur.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-AWAS Clayton Xuereb
Is-Sindku tal-Marsa, Josef Azzopardi, esprima s-sodisfazzjon tiegħu għal din il-ħidma, b’mod partikolari għall-fatt li numru ta’ kmamar se jingħataw għall-użu tal-komunità.